Infrastruttura
Inawgurat it-tielet flyover – jitneħħew it-traffic lights tal-Addolorata

Inawgurat illum waranofsinhar it-tielet flyover tal-proġett tal-junction tal-Marsa. Dan il-flyover qed jippermetti lis-sewwieqa li minn Triq Aldo Moro jibqgħu għaddejjin bla waqfien għal Vjal Santa Luċija mingħajr il-ħtieġa li jieqfu fuq it-traffic lights tal-Addolorata. Infrastructure Malta qalet li l-erba’ flyovers li fadal se jkunu lesti f’daqqa sa nofs is-sena d-dieħla.

Mal-ftuħ tat-tielet flyover fil-proġett tal-junction tal-Marsa, sitt ġimgħat qabel ippjanat, it-traffic lights ta’ ħdejn iċ-ċimiterju tal-Addolorata ntfew għal dejjem u nqalgħu.

Fl-inawgurazzjoni tal-flyover, il-Ministru tat-Trasport Ian Borg qal li dawn it-traffic lights twaħħlu 22 sena ilu biex itaffu l-problema tat-traffiku. Dr Borg qal li għal numru ta’ snin, it-traffic lights qdew tajjeb l-għan li għalihom saru iżda dan l-aħħar spiċċaw huma stess jikkawzaw l-konġestjoni tat-traffiku f’din l-arterja prinċipali.

Il-Ministru Borg qal li l-Gvern qed iwettaq fi żmien rekord proġett meħtieġ għal dak li sejjaħ kuritur ewlieni u qal li l-junction tal-Marsa qed issir bħal f’katina ma’ proġetti oħra fil-lokalitajiet tal-madwar.

L-ewwel żewġ flyovers infetħu f’Settembru. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, l-Inġinier Frederick Azzopardi qal li t-tielet flyover se jintuża temporanjament mill-vetturi li ġejjin mill-Belt jew mill-Marsa fid-direzzjoni ta’ Santa Luċija u Ħal Tarxien.

“Ftaħnieha b’mod temporanju jiġifieri qed nużaw id-direzzjoni opposta ta’ dik li se tkun meta tinfetaħ b’mod permanenti. Għalkemm ftaħna l-ewwel tliet flyovers, qed naħdmu wkoll fuq l-erba’ strutturi l-oħra bħalissa u sa nofs is-sena d-dieħla se jkunu qed jinfetħu kollha flimkien. Issa mhux se niftħu flyover oħra imma se niftħuhom kollha flimkien minħabba l-mod kif inhu ppjanat it-traffiku, kif se nkunu qed nagħmlu devjazzjonijiet tat-traffiku bilfors irridu niftħuhom kollha flimkien.”

Żied jgħid li bil-ftuħ tat-tielet flyover u t-tneħħija tat-traffic lights, hu stmat li l-vetturi li jgħaddu minn hawnhekk se jiffrankaw bejniethom qrib is-seba’ mitt siegħa kuljum fil-ħin tal-ivvjaġġar. Qal li dan ifisser anqas emissjonijiet.

Il-proġett tal-junction tal-Marsa qed isir b’investiment ta’ €70 miljun, il-parti l-kbira mħallsa mill-Unjoni Ewropea.

Aħbarijiet Oħra
Edukazzjoni

L-Uffiċċju għad-Dħul fl-Iskejjel tal-Knisja qed iħabbar dati ġodda għall-poloz ta’ parteċipazzjoni għall-Iskejjel tal-Knisja. Dawn se jiġu mxandra live fuq www.knisja.mt minn ġo studio mingħajr il-preżenza tal-ġenituri u bl-inqas nies possibbli, minħabba r‑restrizzjonijiet kontra t‑tixrid tal‑coronavirus. L-ewwel…

Unjoni Ewropea

Il-kriżijiet ta’ spiss ma jħarsux lejn l-uċuħ meta jolqtuna. Filwaqt li xi wħud jistgħu jiġu previsti u indirizzati bi tħejjijiet xierqa, oħrajn jaħsduna għall-għarrieda, bħal fil-każ ta’ din il-pandemija storika…

Lokali

Lejlet il-41 anniversajru minn Jum il-Ħelsien, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li l-ħelsien modern li bħalissa qed nissieltu għalih huwa l-ħelsien minn pandemija. F’messaġġ fuq One Television,…

Aktar