Lokali
Inawgurat l-ewwel uffiċċju tal-Kummissarju tal-Liġijiet fi Strada Stretta

Il-Kummissarju tal-Liġijiet, Antonio Mizzi, se jibda jikkonsolida l-liġijiet Maltin, bil-għan li jkunu aċċessibbli aktar mill-ġudikanti, l-avukati u l-pubbliku ġenerali.

Fl-inawgurazzjoni tal-uffiċċju ġdid fil-Belt, il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li bejn is-sena l-oħra u din is-sena l-ispiża se tittrippla biex il-Kummissarju jkollu aktar riżorsi li bihom jista’ jipproponi aktar riformi legali, jikkonsolida l-liġijiet, u jipproponi kif għandhom jitħaffu l-proċessi kriminali u l-inkjesti maġisterjali.

Bdiet ħidma biex għall-ewwel darba fi kważi 40 sena jsir il-konsolidament ta’ iktar minn 600 liġi tal-pajjiż. Il-Kummissarju tal-Liġijiet, Antonio Mizzi, spjega li dan il-proċess se jwassal biex il-liġijiet ikunu iktar korretti u jinftehmu aħjar miċ-ċittadini fosthom mill-ġudikatura u mill-avukati.

”L-idea tiegħi li jsir konsolidament u naħdmu b’tali mod u manjiera li min se jiġi jagħmel konsolidament warajja – għax jien m’iniex etern – illi l-konsolidament ikun ħaġa iktar faċli u ma jkollhiex għalfejn tistenna 40 sena oħra biex tinbidel.”

Fl-inawgurazzjoni tal-ewwel Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Liġijiet fil-Belt, il-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis, qal li għas-sena d-dieħla hemm ivvutati €150,000 biex fost oħrajn jiġu impjegati avukati fuq bażi full-time ma’ din l-istituzzjoni.

Il-Ministru Zammit Lewis qal li l-Kummissarju tal-Liġijiet qed iħejji proposti biex jitħaffu l-proċessi kriminali u l-inkjesti maġisterjali.

”Nifhem li jkun hemm inkjesti kumplessi. Nifhem li jkun hemm esperti li jkollhom ħafna x’jagħmlu. Nifhem li ġieli jitqabbdu esperti barranin fejn tidħol financial analysis. Però li ddum snin ad eternum mhix aċċettabbli u minn hawn nerġa’ nappella sabiex it-termini jkunu iktar qosra. Nerġa’ ngħid. Mhux għall-Ministru imma biex iċ-ċittadini jinqdew aħjar.”

Dr Mizzi huwa t-tieni Kummissarju għal-Liġijiet mill-2016 ‘l hawn.