Festi
Inawgurat monument kbir bi xbieha tal-patruna taż-Żurrieq

Kull min dieħel u ħiereġ miż-Żurrieq jintlaqa’ minn monument kbir bi xbieha tal-patruna tal-lokalità: Santa Katarina. Ix-xbieha ndurata bid-deheb fuq pedestall tal-irħam ġiet inawgurata f’ċerimonja li tat bidu għall-festa titulari.

Id-daħla taż-Żurrieq sebħet b’monument ta’ Santa Katerina tħares lejn il-lokalità. Ix-xbieha ta’ Santa Katerina, maħduma fil-bronż u ndurata bid-deheb, tinsab fuq pedestall għoli tal-irħam.

Is-Segretarju tas-Soċjetà Mużikali Santa Katerina, Kevin Schembri, qal li l-idea wara dan il-monument hija biex il-patruna tar-raħal tilqa’ lil kull min ikun dieħel jew ħiereġ miż-Żurrieq.

”Fl-1766 missirijietna ħassew li f’tarf ir-raħal kellhom ipoġġuha xbieha ta’ Santa Katerina. Għalhekk ikkummissjonaw lill-istatwarji Fabri u kellna lil Santa Katerina li kienet tinsab fi Triq Santa Katerina ma’ triq San Bartilmew biex timmarka li Santa Katerina patruna titulari taż-Żurrieq. Għaddew is-snin, iż-Żurrieq kiber u tarf ir-raħal ma baqax fil-post fejn l-istatwa kienet u għalhekk is-soċjetà ħasset li għandha terġa’ twettaq ix-xewqa ta’ missirijietna u tagħmel statwa fit-tarf tar-raħal.”

Id-disinn tal-monument hu tal-artist Jeremy Cachia li qal adotta stil klassiku li jaqbel mal-istil tal-Knisja u l-libsa tal-festa titulari tar-raħal.

”Jikkarateriżża l-patronaġġ ta’ Santa Katerina fuq ir-raħal taż-Żurrieq. Kif qiegħed imqassam id-disinn, l-armi tal-fratellanzi tal-parroċċa u armi oħra relatati ma’ Santa Katerina.”

L-Istatwa nħadmet fl-Italja fuq abbozz ta’ Adonai Camilleri Cauchi.

L-inawgurazzjoni tal-monument saret il-Ġimgħa filgħaxija mill-President George Vella, bis-sehem tal-Banda Santa Katerina, li għamlet marċ fil-qalba tar-raħal u wara akkumpanjat iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni.

L-inawgurazzjoni tal-monument tat bidu għall-festa titulari ta’ Santa Katerina li mistennija tilħaq il-qofol il-Ħadd l-ewwel ta’ Settembru.

Aħbarijiet Oħra
Mużika

Fl-1996, tfajla ta’ 17-il sena li kellha storja xi tgħid waslet sal-fażi finali tal-Festival tal-Kanzunetta Maltija għall-Ewropa, ħarġet fuq il-palk u tat prestazzjoni mill-isbaħ ta’ kanzunetta bi stil pop r’n’b…

Qorti

Żewġ nisa, li waslu Malta b’dgħajsa ma’ immigranti oħra s-sena l-oħra, spiċċaw il-ħabs minflok il-Ġermanja. Fil-Qorti, l-avukat tagħhom Martin Fenech, spjega li huma użaw dokumenti foloz biex ikunu jistgħu jibdew…

Partit Nazzjonalista

Waqt żjara fix-xelter tal-YMCA li għandu mat-30 resident, il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li r-realtà tal-faqar f’Malta, qiegħda tiżdied minkejja t-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż. Dr Delia qal li l-Gvern għandu…

Aktar