Lokali
Inawgurat spazju ġdid dedikat lill-Poeta Nazzjonali fil-Mużew tal-Katidral fl-Imdina

Il-memorja ta’ Dun Karm Psaila hi mfakkra b’mod permanenti fil-Mużew tal-Katidral fl-Imdina, bi spazju dedikat għall-poeta nazzjonali. B’filmati u wirt minn tiegħu, Dun Karm qed jinżamm ħaj mal-ġenerazzjonijiet t’issa u dawk li se jsegwu, man-nies lokali u mat-turisti li jżuru l-mużew.

Il-kuratur tal-mużew, Monsinjur Edgar Vella, spjega li wara snin b’kamra dedikata għal Dun Karm, il-mużew irrestawrata kamra oħra biex fiha issa hemm dak li qed jissejjaħ bħala ‘l-ispazju tal-poeta nazzjonali’, li ħa stil iktar minimali, fejn inżammu xi affarijiet minn tiegħu, bħal mandolina li kien idoqq, il-pinna li kien juża, relikwi, medalji u kalċi, filwaqt li qed jintwera filmat b’diversi lingwi, li jirrakkonta l-istorja tal-poeta. Il-karti bil-kitbiet tiegħu, flimkien mal-albi u ż-żraben li kien jilbes, m’għadhomx esebiti iżda jinsabu ippreservati fid-depożitu tal-mużew.

“Il-kamra ta’ Dun Karm kienet pjuttost mgħobbija b’residwi u relikwi personali li kważi min jidħol iħoss ċertu diqa, qisek dħalt f’xi kamra ta’ xi ħadd li miet u ħallewielu hekk, mentri llum l-ispazju hu magħmul b’mod li jagħti ħajja lil Dun Karm.”

Mela allura min ħa jiġi ġol-mużew u jiddeċiedi li jsir jaf min hu l-poeta nazzjonali, għandu opportunità tad-deheb li ħa jisma’ u jara l-istorja tiegħu u se joħroġ mill-mużew bl-aqwa souvenir, l-aqwa tifkira, għax għandu l-għarfien li sar jaf li l-poeta nazzjonali huwa Dun Karm.

B’dan il-mod, il-pinna li tant kitbet xogħlijiet letterarji importanti, se tingħata l-ħajja u tinżel fil-moħħ u fil-qlub ta’ kull min iżur dan l-ispazju.

Taħt il-bixra serja tiegħu bis-suttana twila u sewda kien hemm bniedem li baqa’ bniedem sempliċi: ċajtier u ferrieħi. Fis-seminarju baqa’ jilgħab il-ballun kif kien jagħmel meta kien għadu tifel u fil-ħin tal-mistrieħ kien iħobb idoqq il-mandolina u jieħu sehem f’reċti fuq il-palk. Il-karattru ferrieħi tiegħu kien jagħmlu ħabib ta’ kulħadd. Apparti s-saċerdozju, Dun Karm kien ukoll għalliem ta’ bosta suġġetti. Mogħni bl-għerf ta’ dawn il-lingwi, Dun Karm beda jikteb u fl-1896 ħareġ l-ewwel ktieb tiegħu bit-Taljan. Ftit snin wara, żewġt iħbieb tiegħu ħajruh jibda jikteb bil-Malti u fl-1912 ħareġ l-ewwel poeżija tiegħu bil-Malti, ‘Quddiem Xbieha tal-Madonna’. L-iktar xogħol magħruf tiegħu huwa l-Innu Malti, li tkanta għall-ewwel darba fit-Teatru Manoel fl-1923 u għadu l-innu nazzjonali ta’ pajjiżna sal-ġurnata tal-lum.