Saħħa
Inawgurat tagħmir modern għall-interventi tal-qalb kumplessi b’finanzjament mill-IIP

Kirurgi u infermiera fid-Dipartiment tal-qalb f’Mater Dei se jkunu jistgħu jagħmlu interventi u proċeduri aktar kumplessi u delikati fuq pazjenti b’arterji miżdudin jew kumplikazzjonijiet oħrajn bl-għajnuna ta’ tagħmir aktar modern fil-Cardiac Cathetirisation Suite b’investiment ta’ miljun ewro mill-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali ffinanzjat mill-programm ta’ ċittadinanza b’investiment.

Iċ-Chairperson tad-Dipartiment tal-Kardjoloġija, Dr Robert Xuereb qal li t-teknoloġija se tippermetti li t-tobba jaraw u janalizzaw vini jew arterji b’aktar preċiżjoni mingħajr ħtieġa ta’ operazzjonijiet maġġuri iżda bl-użu ta’ tubu ta’ millimetru li ħafna drabi jiddaħħal mill-koxxa.

Dr Xuereb qal li b’dan it-tagħmir se jkompli jsir titjib sinifikanti fil-kwalità tal-kura li tingħata lill-pazjenti li jbatu b’mard tal-qalb. Fakkar li dan it-tip ta’ mard għadu l-kawża numru wieħed tal-imwiet f’Malta tant li hu stmat li 38% tal-imwiet fil-gżejjer Maltin huma relatati mal-mard tal-qalb.

Waqt l-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li kull Gvern ħadem għas-saħħa iżda spjega kif in-nefqa tal-Gvern fil-qasam tas-saħħa żdiedet minn €381m fl-2012 għal €781m fil-budget għall-2019. Dr Muscat qal li dan it-tip ta’ investiment, il-Gvern se jibqa’ għaddej bih b’mod kostanti u qed jara kif il-ġid ekonomiku jgawdu minnu l-iktar li għandhom bżonn fosthom pazjenti u persuni vulnerabbli. Waqt li radd ħajr lil MAM għall-ftehim li sar fl-aħħar xhur, wera t-tama li l-Gvern jasal għall-ftehim mal-MUMN.

Il-Prim Ministru qal li l-prijorità ewlenija għall-Gvern hi riforma kbira fil-qasam tas-saħħa mentali li teħtieġ bidla kulturali u l-iżvilupp ta’ sptar akut fil-konfini ta’ Mater Dei li jelimina stigma għall-pazjenti b’dan it-tip ta’ mard. Semma li sfida oħra hi relatata mal-użu tat-teknoloġija moderna fl-interventi tas-saħħa fosthom bir-robotika.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li dan it-tagħmir fid-Dipartiment tal-Kardjologija se jkompli jgħin biex Malta tibqa’ fl-ewwel post fl-Ewropa fejn il-Maltin jgħixu ħajja aktar fit-tul b’saħħithom. Qal li l-Gvern għaraf jinvesti miljuni ta’ ewro f’tagħmir ġdid u taħriġ lill-ħaddiema tal-kardjoloġija biex is-servizz illum hu fost l-aqwa fid-dinja.

Id-Deputat Prim Ministru qal li bil-cardiac MRI li ddaħħlet is-sena li għaddiet, flok 20 pazjent li kienu jintbagħtu Monza kull sena issa qed isiru 30 MRI kull xahar f’Malta stess u kif tħabbar fil-budget se tinxtara t-tielet cardiac MRI waqt li l-Gvern se jissieħeb fi sħubija mal-privat għal servizz estiż.

Aktar spjegazzjoni dettaljata hawnhekk:
Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

Mandy Vella li għandha 24 sena biss qed tgħix bi tbatija kbira minħabba li tbati b’Cystic Fibrosis. Hija tgħid li din qed taffettwalha l-pulmun u l-firxa, tbati bil-qtugħ ta’ nifs…

Avjazzjoni

Fl-istorja Maltija tal-avvjazzjoni, l-1969 ma kinitx l-isbaħ paġna. F’temp ta’ tliet xhur, nofs seklu ilu, seħħew żewġ disgrazzji tal-ajru b’ajruplani militari. L-istorja tagħhom hija fost kważi elf inċident tal-ajruplan li…

Lokali

Il-Fondazzjoni Blue Light, imwaqqfa mis-Surġent Simon Schembri mistennija tiftaħ l-ewwel dar tagħha biex tilqa’ fiha uffiċjali tal-forzi dixxiplinati li jweġġgħu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Il-Ħadd filgħodu f’Ħal Safi saret attività…

Għawdex

Dalgħodu f’Dar Arka, Għajnsielem, saret quddiesa mmexxija mill-Isqof ta’ Għawdex, Mario Grech bħala talba ta’ radd il-ħajr lil Alla fi tmiem il-mandat tal-President Marie-Louise Coleiro Preca. Fi kliem il-President, l-Ewkaristija…

Aktar