Lokali
Inawgurat xogħol ta’ tisbiħ fi Ġnien San Girgor, iż-Żejtun

Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun inawgura x-xogħol ta’ tisbiħ li sar matul l-aħħar sena fi Ġnien San Girgor fiż-Żejtun. Ix-xogħol sar b’investiment ta’ madwar €90,000 li €57,000 huma fondi tal-Unjoni Ewropea taħt il-programm Leader. Il-bqija tal-flus ħariġhom il-Kunsill Lokali taż-Żejtun.

Is-Sindku taż-Żejtun Doris Abela qalet li x-xogħol ta’ tisbiħ beda lejn tmiem l-2019 u spiċċa fi ftit inqas minn sena. Qalet li minn żona mitluqa għall-ħafna snin, issa hemm spazju miftuħ għall-pubbliku b’gazibo minn materjal riċiklabbli, sistema ta’ dawl ġdida, turf naturali, kameras tas-sigurtà, bankijiet ġodda u tħawwil ta’ siġar ġodda.

Il-President tal-Fondazzjoni Grupp Azzjoni Lokali tar-reġjun tax-Xlokk, Dr Philip von Brockdorff spjega li l-fondazzjoni hija responsabbli minn dawn il-fondi li b’kollox kien hemm miljun u u erba’ mitt elf ewro allokati. Minn dawn il-fondi ibbenefikaw b’kollox 10 kunsilli lokali.

Dr von Brockdorff qal li bħalissa l-fondazzjoni għaddejja b’riċerka ma’ fondazzjoni simili f’Umbria dwar is-siġar taż-żebbuġ biex isibu d-DNA uniku għas-siġar taż-żebbuġ f’Malta bil-għan li nibdew nikkultivawhom.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-proġett huwa eżempju ċar kif fondi tal-Unjoni Ewropea jaslu għand in-nies filwaqt li l-Ministru responsabbli mill-Kunsilli Lokali Jose Herrera qal li r-reġjuni se jkollhom segretarjat tagħhom b’missjoni speċifika fosthom biex il-Kunsilli jkunu jistgħu jaċċessaw aħjar il-fondi Ewropej.