Lokali
Inawgurata berġa tas-saħħa ġdida f’Marsaxlokk

Ir-residenti tax-Xlokk ta’ Malta għandhom berġa ġdida li se tkun qed toffri diversi servizzi tas-saħħa, fosthom uħud minnhom ġodda, bħalma huma kura għas-saħħa mentali u kura għas-saħħa sesswali.

B’investiment ta’ €10 miljun mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp il-berġa l-ġdida f’Marsaxlokk se toffri firxa wiesgħa ta’ servizzi lir-residentim minn nhar it-Tnejn.

Waqt l-inawgurazzjoni ta’ din il-berġa, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li l-Gvern ħadem biex il-kura primarja tkun viċin in-nies kemm jista’ jkun tant li fl-aħħar snin infetħu diversi bereġ madwar il-pajjiż.

Huwa fisser is-servizzi li din il-berġa se tkun qed tagħti lir-residenti tax-Xlokk ta’ Malta.

“Se nkunu qegħdin noffru servizz ta’ tabib, ‘nurse lead clinic’ fejn jingħataw pariri dwar saħħa minn nies speċjalizzati, il-klinika tal-podjatrija biex nieħdu ħsieb ir-riġlejn, fiżjoterapija, speċjalisti tal-‘speach and language pathology’ biex jagħtu pariri lit-tfal u żgħażagħ, servizz għall-pazjenti tat-testijiet tad-demm allura wieħed m’għandux imur ‘il bogħod mir-raħal, servizz ta’ ‘dietician’, u żewġ servizzi pjuttost ġodda fil-komunità wieħed minnhom kompletament ġdid li huwa l-GU clinic u servizz tal-‘mental health clinic’.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat qal li b’investiment ta’ €10 miljun qed isiru diversi proġetti b’risq il-komunità, wieħed minnhom hija l-Berġa f’Marsaxlokk li se tgħin ħafna biex titjieb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.

“Għalhekk twieled il-Fond Nazzjonali tal-Iżvilupp meta aħna bdejna nfaddlu f’dan il-karus nazzjonali. L-intenzjoni kienet li min-naħa waħda nġibu investiment barrani dirett biex inwarrbu 70% fejn ġemmajna ammont konsiderevoli ta’ flus li llum qed nużaw għan-numru ta’ proġetti”.

Din il-berġa hija waħda minn katina ta’ bereġ li nfetħu madwar il-pajjiż fl-aħħar snin u li se jkomplu jinfetħu fiż-żmien li ġej fosthom f’Santa Lucija, il-Kalkara u anke fil-Belt Valletta.