Inawgurata d-dehra ġdida tal-pjazza tan-Nadur

Inawgurat xogħol ta’ tisbiħ fil-pjazza tan-Nadur, proġett li sewa ftit anqas min-nofs miljun Ewro b’fondi nazzjonali, tal-Unjoni Ewropea u l-Kunsill Lokali tan-Nadur. Ix-xogħol dam għaddej 12-il xahar u ta dehra ġdida lill-pjazza ta’ waħda mill-akbar lokalitajiet f’Għawdex.

Waqt l-inawgurazzjoni, il-President Marie-Louise Coleiro Preca faħħret id-deċiżjoni tal-Kunsill li jagħti lura l-pjazza lin-nies u ma tibqax post għall-parkeġġ tal-karozzi. Saħqet fuq l-importanza li n-nies ma jibqgħux biss wara l-kompjuter iżda joħorġu minn djarhom jiltaqgħu, jiddiskutu u jissoċjalizzaw.

Is-Sindku tan-Nadur, Edward Said qal li ma kinitx deċiżjoni faċli li l-Kunsill ma jħallix il-pjazza bħala parkeġġ għall-vetturi. Qal li t-tisbiħ tal-pjazza se jitkompla fix-xhur li ġejjin.