Edukazzjoni
Inawgurata estensjoni ġdida fl-Iskola Sekondarja taż-Żejtun ta’ 2,500 metru

B’investiment ta’ €5 miljun l-iskola sekondarja taż-Żejtun qed tingħata xejra moderna u anke tkun mgħammra bl-aħħar tekonoloġija għat-tagħlim. Wara li tlestew żewġ binjiet kienet inawgura t-tielet blokka fuq medda ta’ 2,500 metru kwadru li fiha hemm numru ta’ laboratorji għat-tagħlim ta’ bosta suġġetti.

Il-Kap tal-Iskola, Anna Spiteri Meilak qalet “dan il-proġett tana l-faċilità li jkollna tmien laboratorji tax-xjenza ġodda bijoloġija, kimika, fiżika u xjenza integrata li tant kellna bżonn għax fl-iskola tagħna kienu neqsin mhux ħażin. Għandna laboratorju tas-suġġetti vokazzjonali , fl-iskola jiġu mgħallma sitt tipi ta’ suġġetti vokazzjonali li huma l-information technology , l-engineering, hairdressing and beauty, hospitality, fashion and textiles u media.”

Fuq kull blokka qed jinbena sular ieħor biex jiżdiedu 13-il klassi, 8 laboratorji, żewġ klassijiet għall-home economics u tnejn oħra għall-inġinerija u d-disinn. Filwaqt li inawgura l-estensjoni ta’ din l-iskola, il-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici qal li l-investiment li sar f’din l-iskola ser ilaħħaq il-5 miljun ewro, u mistennija jsiru iktar xogħlijiet fiż-żmien li ġej.

“Beda proċess fejn blokka blokka bdiet tiġi riġenerata din l-iskola u issa wasalna fi blokka numru tlieta li ser tkun qed tilqa’ fiha 350 student dawk tas-7 sena u dawk tat-8 sena. Hemm l-aqwa tagħmir għall-aqwa edukazzjoni għal dawn it-tfal”.

Il-Ministru Bonnici qal li kien ilu jinħass l-bżonn li jsir investiment bħal dan fl-iskola sekondarja taż-Żejtun parti mill-Kulleġġ St Thomas Moore. Sostna li wara li sar l-ippjanar meħtieġ beda l-proċess biex it-834 student u studenta jkollhom ambjent li jixirqilhom. Huwa qal li l-iskola għad trid tgħaddi minn aktar xogħlijiet fosthom it-twaqqigħ tal-ħajt tal-madwar biex b’hekk issir ħaġa waħda mal-komunità.