Lokali
Inawgurata faċilità ġdida fil-kumpanija De La Rue wara investiment ta’ 15-il miljun ewro

Inawgurata faċilità ġdida fil-kumpanija De La Rue f’Bulebel wara investiment ta’ 15-il miljun ewro, li sa issa sarfet f’70 impjieg ġdid f’din il-kumpanija li tipproduċi flus, passaporti u prodotti oħra ta’ sigurtà.

Fl-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li din il-kumpanija li kienet ser tnaqqas il-ħaddiema, b’ħidma mal-Gvern, żiedet l-investiment f’Malta biex issa ser tkun tħaddem mal-580 ħaddiem.

Il-kumpanija internazzjonali De La Rue, li għandha storja ta’ aktar minn 40 sena f’Malta, inawgurat faċilità ġdida għal produzzjoni ta’ prodotti ta’ sigurtà wara li l-kumpanija ddiversifikat in-negozju tagħha mill-istampar tal-flus.

Id-Direttur tal-De La Rue Malta, Edward Chetcuti qal li fl-aħħar sentejn il-kumpanija għamlet investiment ta’ 27 miljun ewro f’ċentru ta’ eċċellenza fil-faċilità ta’ Bulebel. Minnu apparti l-produzzjoni tal-passaporti, ser jibdew isiru prodotti ta’ sigurtà  bħal tikketti ta’ prodotti bħat-tabakk u l-alkoħol, biex jgħinu l-gvernjiet u l-kumpaniji fit-traċċibilità u l-awtentiċità tal-prodotti.

Is-Sur Chetcuti spjega li l-kumpanija għandha l-kapaċità li tipproduċi wkoll tikketti li jassiguraw il-protezzjoni tal-kumpaniji. De La Rue Malta ser tkun qed tforni tikketti għal kumpaniji internazzjonali, bħal Microsoft. Fuqhom jitniżżel tagħrif dwar il-prodott, inkluż fejn ikun inħadem.

Fl-inawgurazzjoni tal-faċilità l-ġdida, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-ħaddiema għandhom rashom mistrieħa mill-impjieg tagħhom, hekk kif il-kumpanija kompliet issaħħaħ l-operat tagħha mingħajr ma ssagrifikat il-produzzjoni tal-flus.

Il-Prim Ministru Muscat qal li l-investiment ta’ kumpaniji li diġà jinsabu f’Malta hija xhieda tal-fiduċja tagħhom fl-ekonomija u l-ħaddiema Maltin.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Sewwieqa li kienu għaddejjin minn Triq il-Buqana, limiti ta’ Ta’ Qali sabu ma’ wiċċhom ostaklu mhux tas-soltu. Filmat li rċieva TVM juri tajer jaqa’ minn fuq trakk li dan baqa’ tul…

Kultura

Fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, riesaq lejn tmiemu proġett ikkumplikat li nvolva snin ta’ studji u xogħol għad-disinn u l-istallazzjoni ta’ sistema li tikkontrolla l-ambjent fil-kripta tal-Granmastri. Il-proġett qed jaċċerta li…

Kronaka

Karozza ħadet in-nar fi Triq Liedna, il-Fgura. Il-każ seħħ għall-ħabta tas-1am. Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jikkontrollaw in-nirien. Issejħet ukoll ambulanza iżda b’xorti tajba ħadd ma weġġa’.

Stejjer Umani

Bjorn Formosa reġa’ daħal l-isptar wara li 21 jum ilu għamel operazzjoni. Fuq Facebook, Bjorn qal li qed iħossu agħar minn qatt qabel u li qed iħossu bla nifs, stordut…

Aktar