Pulizija
Inawgurata għassa ġdida fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta

Il-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà inawguraw għassa tal-Pulizija ġdida fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, wara li fiha saru numru ta’ xogħlijiet.

Fi stqarrija maħruġa mill-Korp tal-Pulizija ntqal li l-għassa l-ġdida toffri aktar sigurtà u privatezza lil kull min ifittex is-servizzi tal-pulizija.

L-investiment fl-għassa sar mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta bħala parti mill-proġett ta’ rinovar li qed isir fl-ajruport.

Il-Ministru Camilleri qal li din l-għassa hija waħda sensittiva li tara bosta nies differenti, għalhekk kien jeħtieġ li tirrifletti r-realtajiet li jaħdmu fihom l-uffiċjali.

Il-Kummissarju Gafà tenna l-impenn tal-Korp biex itejjeb l-ambjent, mhux biss għall-impjegati tiegħu, imma wkoll għall-membri tal-pubbliku li jkollhom bżonn jużaw is-servizzi tal-pulizija.