Lokali
Inawgurata l-ewwel fażi tal-villaġġ tal-artiġġjanat f’Ta’Qali

Tlestiet l-ewwel fażi tal-proġett għar-riġenerazzjoni tal-villaġġ ta’ artiġġjanat f’Ta’ Qali, b’investiment ta’ €13-il miljun. Il-Ministru għall-Ekonomija, Chris Cardona qal li sas-sena d-dieħla se titlesta t-tieni fażi tal-proġett mill-operaturi li ser jagħmlu l-investiment tagħhom biex itejbu l-operat tagħhom. Dr Cardona ħabbar li se titwaqqaf Fondazzjoni li se tamministra dal-villaġġ li ser ikun ta’ attrazzjoni kemm għat-turisti kif ukoll għall-familji.

Tlestiet l-ewwel fażi tal-villaġġ tal-artiġġjanat f’Ta’ Qali, fejn b’investiment ta’ €13-il miljun tlestiet l-infrastruttura, u l-ispazji pubbliċi kif ukoll is-servizzi li ġew mgħoddija minn taħt l-art. Il-Proġett qed isir mill-Malta Industrial Parks bl-appoġġ tal-Malta Entreprise.

Il-Ministru għall-Ekonomija, Chris Cardona qal li dan il-villaġġ kien ilu mwiegħed 25 sena u qatt ma sar xejn sakemm beda jitwettaq minn dal-Gvern. Dr Cardona qal li dan il-proġett se jagħti n-nifs ġdid l-artiġġjana li ser jaħdmu hawnhekk.

Il-Ministru Cardona ħabbar li se titwaqqaf fondazzjoni li se tamministra dan il-villaġġ li se tieħu ħsieb li jkun hemm kalendarju ta’ attivitajiet li jattira iktar viżitaturi. Qal ukoll li l-fondazzjoni ser taħdem mal-Ministeru tal-Edukazzjoni biex jikber it-tagħlim tal-artiġġjanat.

Il-Ministru Cardona qal “issa rridu nassiguraw li dan il-villaġġ ġdid iżid fil-popolarità tiegħu, iktar żoni ta’ landscaping u nagħmluh parti mill-kalendarju tal-familja Maltija u tat-turisti li jiġu Malta biex jaraw l-artiġġjanat u postijiet għal picnic u passiġġati”.

Il-Ministru Cardona qal li s-siġar li kellhom jinqalgħu minħabba l-proġett tħawlu fi bnadi oħra, filwaqt li f’Ta Qali tħawlu madwar 1,600 siġra ġdida mill-Malta Industrial Parks.

It-tieni fażi tal-proġett se ssir b’investiment mill-operaturi nfushom, fejn minbarra dawk preżenti se jidħlu oħrajn ġodda, u meta jitlesta sas-sena d-dieħla, se jkun hemm b’kollox madwar ħamsa u sebghin artiġġjan.

Diversi artiġġjana fil-villaġġ qalu li wara ħafna taqtigħ ta’ qalb, dan il-proġett se jagħtihom il-kuraġġ biex ikabbru n-negozju tagħhom.

Paul Said qal li “il-post ma kienx għadu gat-turiżmu ma kienx preżentabbli, konna morna l-baħar. Issa għandhom futur fejn jaħdmu u għall-futur tagħhom”.

Mark Grima qal”ilna nistennew ħafna snin, waslet il-ġurnata, u issa dan il-post se jiġbed mhux biss turisti imma anki l-familji”.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Aaron Farrugia qal li €10 miljuni mill-Fondi Reġjonali tal-Unjoni Ewropea ntużaw għal dal-progett minbarra finanzjament ieħor minn skemi oħra li qed isostnu lill-operaturi biex ikabbru n-negozju tagħhom.

Aħbarijiet Oħra
Saħħa

Mistenni jibda x-xahar id-dieħel ix-xogħol ta’ twaqqiegħ u tħammil għat-tieni dar residenzjali għal persuni bil-marda newroloġika tal-ALS. Il-proġett, f’Ħaż-Żebbuġ, mistenni jiswa sitt miljun Ewro. Ma’ TVM, il-fundatur tal-Fondazzjoni ALS Malta,…

Stejjer Umani

L-imħabba hi minsuġa fil-karattru ta’ William Saliba. L-altruwiżmu tiegħu jispikka ma’ pazjenti b’mard fil-kliewi. Għamel l-isfida tal-Lifecyle tnax-il darba…iżda fuq kollox kien bħas-Samaritan it-Tajjeb, b’ġest ma’ raġel ieħor meta tah…

Reliġjon

Matul il-Ġimgħa Mqaddsa, it-teatru Orpheum fil-Gżira serva ta’ knisja għall-komunità Kattolika minn Kerala fl-Indja. Fil-Ġimgħa l-Kbira, filgħaxija mal-elf ruħ inġabru għall-adorazzjoni tas-salib. Wara, fit-toroq tal-Gżira u Tas-Sliema, xeni mhux tas-soltu…

Aktar