Lokali
Inawgurata l-istatwa restawrata ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi

Ġiet inawgurata l-istatwa restawrata ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi. Dan il-proġett ta’ restawr sar mill-fondi tal-Aġenzija tal-Infurzar Lokali, il-LESA.

Il-proġett sar mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi flimkien ma’ tisbiħ tal-pjazza u qed isiru wkoll xi sqaqien antiki b’investiment ta’ €32,000.

Il-LESA tagħti miljun ewro fis-sena biex mill-ħlas taċ-ċitazzjonijet isiru proġetti fil-lokalitajiet li jvarjaw minn dawk ambjentali għal oħrajn infrastrutturali, edukattivi u ta’ restawr.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera.

Il-Ministru Bryon Camilleri spjega kemm huwa sabiħ li nagħtu lura lill-komunità dak li l-aġenzija tkun ħadet minn ksur ta’ liġi fl-istess lokalitajiet. Qal li meta wieħed jinforza jkun qed jipproteġi lis-soċjetà u lil min josserva l-liġi u li inizjattivi bħal din tal-LESA, huma l-ikbar sinjal li l-Gvern huwa interessat fl-edukazzjoni.

Il-Ministru José Herrera qal li huwa tajjeb li l-flus tal-LESA li huma konnessi mal-gvern lokali jintużaw għal skopijiet kulturali fi ħdan il-komunità.