Lokali
Inawgurata l-pittura mal-koppla ta’ San Lawrenz fil-Birgu

67 sena mill-inawgurazzjoni tal-koppla tal-Knisja ta’ San Lawrenz fil-Birgu, li nbniet mill-ġdid wara t-Tieni Gwerra Dinjija, tlestiet il-pittura tal-koppla – xogħol l-artist Għawdxi Manuel Farrugia.

Il-pittura hija maqsuma f’żewġ partijiet prinċipali: il-parti sagra tal-Madonna mal-qaddisin fil-glorja, u l-parti profana li tirrappreżenta r-rebħa tal-Assedju l-Kbir.

Iċ-ċentru tal-pittura hija l-Madonna mlibbsa mant aħmar u blu biex tkun bħal dik tal-ikona tal-Madonna ta’ Damaxxena meqjuma fil-Birgu għal mijiet ta’ snin.

L-Arċipriet, il-Kanonku Karm Busuttil, li mal-familja għamlu tajjeb għall-ispejjeż tal-din l-opra ta’ arti spjega li l-pittura tirrappreżenta wkoll lill-patrun tal-belt Vittoriosa: San Lawrenz; ‘il San Ġwann Battista patrun tal-Ordni ta’ San Ġwann, San Pawl patrun ta’ Malta u Santa Katarina ta’ Lixandra li għandha rabta ma’ din il-belt.

“Imbagħad fuq hemm il-glorja tal-anġli neżlin bil-qawwa għax inti tinsiex l-artist qed joħroġ din l-espressjoni ta’ enerġija. Anġli jtiru bin-nar. Imbagħad in-naħa ta’ ġewwa hemm il-Gran Mastru La Vallette qiegħed bix-xabla f’idu u miegħu hemm is-suldati u l-artist ried juri l-element Malti.”

It-twieqi tal-lanterna kienu fi stat ħażin ħafna u kellhom isiru mill-ġdid. Ix-xogħol sar mill-mastrudaxxa Ronald Brincat, li rrestawra t-twieqi tat-tanbur ukoll.

Sar ukoll xogħol ta’ skultura fil-lanterna mill-iskultur Joseph Micallef li naqqax fost oħrajn l-occhio divino – li hija l-għajn trijangolu bir-raġġi – simbolu tat-Trinità.

L-attakki tas-16 ta’ Jannar tal-1941 kienu ħallew ħerba fil-Kottonera kollha. Fil-Birgu ġġarrfet is-sagristija u l-Awla Kapitulari. Il-koppla, li kienet impittra mill-Artist Ignazio Cortis ma ġġarrfitx dakinhar tal-attakk imma kienet theżżet u xxaqqet u ġġarrfet sena wara.

Il-koppla l-ġdida kienet ġiet inawgurata f’nhar il-festa ta’ San Lawrenz, fl-10 ta’ Awwissu tal-1954.