Knisja Maltija
Inawgurata pittura ġdida fil-Knisja tad-Dumnikani fil-Birgu

Inawgurata fil-Knisja tad-Dumnikani fil-Birgu, pittura kbira li tirrappreżenta ‘Il-glorja ta’ San Duminku’. Dan ix-xogħol sar mill-artist Għawdxi Manuel Farrugia fis-sena li l-ordni qed ifakkar it-800 anniversarju mill-mewt tal-fundatur.

Bħall-knejjes l-oħra tal-Ordni Dumnikan, it-titular fil-Knisja tal-Birgu hu dedikat għall-Madonna, f’dan il-każ il-Lunzjata, xogħol Envin Cremona. L-artist Manuel Farrugia li ġie kummissjonat ipitter kwadru ġdid għall-artal ta’ San Duminku f’din il-knisja qal li ried jirrispetta aspetti minn dan ix-xogħol.

“Jien l-istil tiegħi mhux l-istil lineari kif kien juża Cremona. Jien aktar immur fuq in-naturaliżmu. Però fin-naturaliżmu daħħalt il-chroma li uża Cremona, dawk il-ħjut tal-blu u tal-isfura li kien iħobb Cremona u anke ċ-ċerta freskezza li kien idaħħal fid-dawl. Id-dawl kien jagħti certu abjad, mistiku, ħa ngħidu hekk. Minn dejjem kont inħobb ninterpretah dak it-tip ta’ dawl. Inzerta li qbilna ma xulxin u nterpretatajtu hawnhekk.”

Il-pittura l-ġdida tirraprezenta l-kobor tal-qdusija ta’ San Duminku li ħalla b’wirt lill-Knisja Kattolika l-ordni li waqqaf u li għadu attiv ħafna f’diversi pajjiżi madwar id-dinja. San Duminku jidher fil-preżenza tal-Papa li approva l-ordni: Onorju III . . . u l-Papa Gregorju IX li kkanonizza lil San Duminku. Hemm ukoll rappreżentati: Santa Katerina ta’ Lixandra u Santa Marija Madalena.

Il-Pirjol tal-Kunvent tad-Dumnikani tal-Birgu, Patri Aaron Zahra qal “ifakkruna żewġ elementi importanti għall-Ordni: għandek Santa Katerina li hija prottetura tal-filosfi u allura l-element tal-istudju u aħna d-Dumnikani l-istudju huwa parti importanti mill-ħajja tagħna u Marija Madalena kienet l-ewwel waħda li marret ixxandar il-bxara t-tajba tal-qawmien ta’ Ġesù Kristu u l-ordni. Id-Dumnikani dak hu x-xogħol li xxandar lis-soċjetà tal-lum il-bxara t-tajba.”

Il-pittura l-ġdida ġiet inawgurata mill-Arċisqof Charles Scicluna fl-Ewwel Tlieta, il-bidu ta’ mixja devozzjonali lejn il-festa tal-qaddis li fil-Birgu tiġi ċċelebrata fl-aħħar ta’ Awwissu.