Infrastruttura
Inawgurata Triq l-Għeriexem u l-bini mill-ġdid tal-belvedere b’investiment ta’ €4 miljun

B’investiment ta’ €4 miljun, Infrastructure Malta lestiet il-bini mill-ġdid ta’ Triq Għeriexem u l-bini tal-belvedere ġdid li jħares fuq Wied Għeriexem, b’rotta pedonali aktar sigura bejn l-Imdina, ir-Rabat u l-Imtarfa.

Fil-qalba tal-proġett ta’ Triq l-Għeriexem fir-Rabat: il-bini mill-ġdid tat-triq fuq pedamenti aktar b’saħħithom, biex irażżan snin twal ta’ ħsarat ikkawżati minn art taħt l-istess triq li ċċedi, kif ukoll belvedere ġdid b’bankini u postijiet aktar siguri għal qsim fit-triq. Qabel, Triq Għeriexem ma kellhiex infrastruttura għal dawk li jgħaddu minnha bil-mixi.

B’tul ta’ 800 metru, it-triq issa fiha wkoll aktar spazji għall-parkeġġ, stazzjon għall-iċċarġjar tal-karozzi elettriċi, l-ewwel mogħdija solari f’Malta, dawl dekorattiv, bankijiet, u ringiela konok b’40 siġra ġdida u pjanti oħrajn. Il-mogħdija solari se tiġġenera kważi nofs id-dawl tat-triq mix-xemx u fis-sena se jiġu ffrankati iktar minn 20 tunnellata ta’ emissjonijiet.

Fl-inawgurazzjoni tat-triq, il-Ministru għall-Infrastruttura, Ian Borg, qal li b’dan l-investiment, il-komunità Rabtija ħadet lura dak li jixirqilha.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Fredrick Azzopardi, qal li x-xogħlijiet kollha tal-iskavar tal-proġett saru taħt il-ħarsien ta’ arkeologi approvati mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. L-Inġinier Azzopardi qal li Infrastructure Malta biddlet id-disinn tal-istruttura tat-triq biex diversi fdalijiet li nstabu waqt ix-xogħlijiet, u li potenzjalment għandhom importanza arkeoloġika, ġew mħarsa u jibqgħu aċċessibbli għal aktar studji fil-futur.

Is-Sindku tar-Rabat, Sandro Craus, qal li wara ħafna snin ta’ skumdità, din it-triq ingħatat l-attenzjoni li jixirqilha u l-ilmenti tal-Kunsill Lokali ma baqgħux jaqgħu fuq widnejn torox.