Forzi Armati
Inawgurati 23 vetturi ġodda għall-Forzi Armati

Ġew inawgurati 23 vettura ġdida għall-Forzi Armati ta’ Malta b’investiment ta’ aktar minn €600,000.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-liġi Byron Camilleri spjega kif dawn il-vetturi ġodda huma parti minn numru ta’ investimenti oħra li qed isiru fil-Forzi Armati ta’ Malta biex ikun assigurat li l-FAM jkunu mgħammra bir-riżorsi meħtieġa.

Il-Ministru Camilleri qal li huwa inutli li jsir investiment fl-aqwa apparat jekk imbagħad ma jkunx hemm biżejjed uffiċjali biex iħaddmuh. Qal li għalhekk il-gvern huwa impenjat li jkompli jsaħħaħ il-Forzi Armati anki bir-riżorsi umani u t-taħriġ tagħhom.

Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru Camilleri rringrazzja lill-Brigadier Jeffrey Curmi, lill-uffiċjali u lis-suldati tal-Forzi Armati li apparti x-xogħol li jwettqu kuljum, jaħdmu qatigħ biex investimenti ta’ dan it-tip jiġu implimentati.

Dan l-investiment tħabbar ftit jiem wara li ġie ffirmat l-ewwel ftehim settorjali għall-ħaddiema tal-Forzi Armati ta’ Malta li żied il-fond tas-salarji bi €8.2 miljun fis-sena.