Lokali
Inawgurati kliniċi ġodda tal-kura tas-saħħa mentali fiċ-Ċentru tas-Saħħa f’Ħal Qormi

Fl-ewwel tmien xhur tas-sena, il-helpline 1770 li joffri wens lil persuni b’sfidi mentali rċieva 2,400 telefonata. Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond, is-Sinjura Stephania Dimech Sant qalet li t-telefonati li daħlu kienu effett ta’ kif żviluppat il-pandemija.

F’messaġġ imxandar fuq il-media socjali, il-President ta’ Malta George Vella, tkellem fuq il-bżonn ta’ ambjent nadif u politika inklussiva li ma tibqax tħares lejn problemi relatati mas-saħħa mentali b’mod negattiv u ta’ stmerrija. Semma l-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ bejn ix-xogħol, l-istudju u l-familja u bilanċ bejn il-progress, il-preservazzjoni ta’ spazji miftuħa u ambjent nadif li qal huma wħud fil-fatturi li jippromwovu s-saħħa mentali b’mod kollettiv.

Ir-realtà ġdida li ġab miegħu l-Coronavirus qed jirrifletti mhux biss fi problemi fiżiċi iżda anke psikoloġiċi. Fix-xhur li għaddew, il-helpline 1770 li joffri għajnuna professjonali għall-persuni li jbatu mis-solitudni u ansjetà rċieva żieda sostanzjali ta’ telefonati.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond, Stephania Dimech Sant, qalet li din iż-żieda tifiletti l-isfidi godda tal-pandemija kif ukoll aktar għarfien dwar is-saħħa mentali.

“Matul din is-sena diġà rajna 2,700 telefonata fi tmien xhur fejn isoltu naraw 1,800 fi snien. Qabel sentejn, tlieta ilu konna naraw 600 u 400. Rajna qabża kbira. L-ewwel nett għaliex is-saħħa mentali qed isir ħafna għarfien dwarha però din is-sena kienet waħda partikolari mmens.

Is-Sinjura Dimech Sant spjegat li fil-bidu daħlu telefonati marbuta mal-ansjetà u nies imħassba dwar il-possibbiltà li jiġu infettati bil-Covid-19 u li maż-żmien qalet li żdiedu aktar telefonati ta’ nies li diġà kellhom problemi ta’ saħħa mentali u solitudini. Qalet li kien hemm ukoll kumpaniji li talbu l-għajnuna tal-Fondazzjoni għal servizzi għall-impjegati kemm meta bdew jaħdmu mid-dar kif ukoll meta marru lura għax-xogħol.

Waqt żjara fiċ-ċentru tal-Fondazzjoni Richmond fil-Jum Dinji dwar l-Għarfien tas-Saħħa Mentali – Dr Lydia Abela mart il-Prim Ministru, saħqet fuq il-bżonn ta’ aktar għarfien dwar l-importanza tas-saħħa mentali.

“Huwa importanti nkomplu nqajmu għarfien biex ngħinu lin-nies biex nitkellmu man-nies li jkollhom jirrikorru għall-għajnuna.”

Intant, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne flimkien Dr Abela inawguraw kliniċi ġodda tal-kura tas-saħħa mentali fiċ-Ċentru tas-Saħħa f’Ħal Qormi.

Għadd ta’ psikjatri, infermiera, psikologi, social workers u occupational therapists bdew joffru s-servizzi tagħhom minn dan iċ-ċentru f’dik li hija waħda mill-bidliet strateġiċi inkluż fl-istrateġija nazzjonali dwar il-kura tas-saħħa mentali.

Il-Ministru Fearne qal li l-pazjenti li jieħdu kura għas-saħħa mentali m’għandhomx bżonn bilfors imorru l-Isptar Mater Dei jew l-Isptar San Luqa għas-servizz tal-professjonist iżda jibqgħu fil-komunità stess.

Dr Lydia Abela faħħret din l-inizjattiva għax tippermetti li l-individwi jibqgħu integrati fis-soċjetà waqt li jieħdu l-kura meħtieġa.