Kultura
Inbiegħet mill-kavallieri għal 200 skud u llum inxtrat b’€1.3 miljun

L-istorja tal-arti u r-riċerka jistgħu jikxfu dettalji interessanti dwar il-valur ta’ kapolavuri artistiċi.

Eżempju klassiku hu tal-pittura ‘Boizju u l-Filosofija’ ta’ Mattia Preti li nxtrat dan l-aħħar minn Heritage Malta. Parti mill-istorja ta’ din il-pittura nkixfet f’kuntratt notarili li wera kif fi żmien il-Kavallieri kienet inbiegħet għal ftit aktar minn 200 skud u llum inxtrat minn Heritage Malta għal aktar minn miljun u tliet mitt elf Ewro.

Kuntratt li sar min-nutar Giuseppe Callus fl-1740, juri lista ta’ 10 pitturi li l-kavallier Fra Francesco Parisio xtara mingħand it-teżor tal-Ordni wara l-mewt ta’ Fra Andrea di Giovanni. B’kollox ħallas ftit aktar minn 1,600 skud – 233 minnhom għall-pittura ‘Boizju u l-Filosofija’ ta’ Mattia Preti li dan l-aħħar akkwistat Heritage Malta, wara li kienet spiċċat f’kollezzjoni privata fl-Istati Uniti.

Christina Cassar Meli, li qed tagħmel riċerka fuq il-produzzjoni u l-pussess tal-oġġetti tal-arti tul iż-żmien, qalet li dan qed iwassal biex toħroġ informazzjoni ġdida fuq l-artisti u l-bottegi tagħhom. “F’dan il-kuntratt insibu wkoll lista sħiħa ta’ pitturi oħra li kienu qed jinbiegħu flimkien mal-pittura tal-filosofija. Insibu kemm inbiegħet – ‘il fuq minn 200 skud, il-qisien tal-pittura tkompli tikkonferma għal liema waħda qed ngħidu.”

Skond il-kuratur ta’ Heritage Malta, Kenneth Cassar, il-pittura ta’ Boizju u l-Filosofija għandha l-kwalitajiet artistiċi u storiċi meħtieġa biex tissejjaħ kapolavur tal-arti, u r-riċerka se tkompli tgħin biex il-valur u l-istorja tagħha jkunu apprezzati aktar.

Il-Kap tad-Dipartiment tal-Arti u l-Istorja tal-Arti fl-Università ta’ Malta, Keith Sciberras, qal li din l-informazzjoni qed tgħin biex tingħaqad nisġa kkumplikata ta’ kif l-oġġetti tal-arti kienu jimxu minn sid għall-ieħor fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta.

“Il-kwadru mhux waħdu imma hemm numru kbir ta’ kwadri oħra u nistgħu nifmhu ma’ liem kien – kemm fil-kollezzjoni ta’ Degiovanni u anke ta’ Parisio. Nistgħu nibnu dawn il-kollezzjonijiet, fejn kienu, x’kellhom impoġġi ħdejhom u nistgħu nfittxu kwadri oħra li huma mitlufa.”

Il-konsulent storiku Joan Abela qalet li dan hu wieħed minn sitt proġetti li fihom l-Arkivji Notarili qed jikkollaboraw mal-Università ta’ Malta. “Aħna qed naraw tim multidixxiplinarju fejn qed inħarsu lejn l-arkivji mhux biss fejn issir riċerka storika bħala kontenut imma ukoll kodikoloġika, l-ambjent u preservazzjoni tagħhom.”

Dr Cassar Meli qalet li bir-riċerka qed tibni database minn dettalji li jinkisbu minn kuntratti notarili li jitfgħu aktar dawl fuq l-istorja tal-arti f’Malta.