Ambjent
Inċert il-futur tal-bajjiet bil-bandiera l-bajda wara suspetti fuq l-organizzaturi tal-bandiera

Il-ġejjieni tal-bajjiet bil-bandiera l-bajda jidher inċert wara li fl-aħħar jiem tqanqlu suspetti fuq l-iskop tal-organizzaturi Kroati ta’ din l-inizjattiva li għandha l-għan li tiddikjara bajjiet ħielsa mill-plastik.

Il-Ministeru tal-Ambjent li kien qed jikkopera f’din l-inizjattiva spiċċa fil-mira ta’ kiritika għaliex allegatament kien qed iħallas flus għal kull bandiera bajda li tingħata. Fost oħrajn, il-Partit Nazzjonalista permezz tal-kelliem għall-ambjent Jason Azzopardi implika fi stqarrija li l-Ministeru qed iħallas €25,000 għal kull bandiera bajda li tingħata mingħajr ma jsir t-tindif kif suppost. Sejjaħ din l-iskema bħala ħadma minn dak li Dr Azzopardi sejjaħ bħala frodist Kroat. Il-kelliem implika li l-Ministru Herrera daħħal f’din l-iskema bħal mazzun li qed tiswa flejjes kbar lit-taxpayers Maltin. Kritiċi wkoll għall-iskema tal-bandiera l-Bajda kienu l-Partit Demokratiku u l-Alternattiva Demokratika u anke għaqda volontarja li ħadet diversi inizjattivi ta’ tindif fil-pajjiż.

Ikkuntattjat minn TVM, kelliem għall-Ministeru tal-Ambjent ma kkonfermax dawn ir-rapport iżda ddikjara li l-Ministeru jikkopera b’mezzi tiegħu f’kull inizjattiva ta’ tindif li ssir minn għaqdiet volontarji. Żied jgħid li l-Ministeru m’għandu ebda obbligu jew kuntratt mal-organizzaturi tal-bandiera l-bajda. Qal l-organizzaturi għamlu kuntatt ma’ diversi entitajiet biex b’mod sistematiku jagħmlu tindif tal-bajjiet mill-plastik. Dwar l-allegazzjonijiet li qamu dwar l-organizzaturi, il-Ministeru qal li qed ikompli isegwi l-każ mill-qrib. S’issa, l-organizzazzjoni wara din l-inizjattiva għadha ma kkumentatx dwar l-akkużi li sarulhom.