Lokali
Indafa fil-lokalitajiet u tisħiħ fil-kultura

Il-Ministru għall-Gvern Lokali, José Herrera, qal li għas-sena d-dieħla ġew ivvutati total ta’ €57 miljun lill-Kunsilli Lokali. Dawn jinkludu €5 miljun maħsuba biex tissaħħaħ l-indafa pubblika u l-manutenzjoni fil-komunitajiet.

Il-ministru Herrera qal li ħafna nies igorru u naħseb jilmentaw bir-raġun li hawn ċerta telqa f’ċerti żoni tal-pajjiż li qed jaffettwa negattivament mhux biss il-Maltin imma t-turisti u allura se nagħmlu enfasi li l-indafa nindirizzawha b’mod iktar serju.

€76m allokati għall-kultura

Il-Ministru Herrera li hu responsabbli wkoll mill-kultura qal li għal dan il-qasam kulturali ġew allokati €76 miljun li fost oħrajn jinkludu €3.5 miljun ivvutati għall-proġetti kulturali fil-Belt u żieda ta’ €1 miljun biex Heritage Malta tkompli ttejjeb l-esperjenza kulturali fil-mużewijiet pubbliċi.

Il-Kunsill Malti għall-Arti ġie allokat €32 miljun li l-Ministru Herrera qal il-maġġoranza tagħhom se jiġu investiti f’attivitajiet kulturali/.Irrimarka li €1 miljun minnhom se jintużaw bħala fond ta’ għajnuna għall-oqsma kreattivi li ġew milquta mill-pandemija.