Immigrazzjoni
Indikazzjoni li f’Malta jista’ jkun hawn intermedjarji tat-traffikanti tal-bnedmin

Mill-inkjesta tal-Maġistrat Joe Mifsud dwar l-allegazzjonijiet ta’ omiċidju volontarju, ħareġ fost oħrajn li wieħed mill-immigranti li ġew salvati kellu kuntatt fuq il-mobile ma’ persuna f’Malta. Ħareġ ukoll li l-immigranti qalulu li ser ikun hemm il-vapur Alan Kurdi biex jgħinuhom. Xehdu wkoll li ma riedux li jkunu salvati mill-Forzi Armati Maltin. L-inkjesta ma sabet l-ebda provi li jimplikaw lill-Prim Ministru, lill-kmandant tal-Armata u l-ekwipaġġ tal-patrol boat P52 f’omiċidju u lanqas f”attentat ta’ omiċidju u stabiliet li Malta wettqet l-obbligi internazzjonali tagħha.

Fl-inkjesta li saret fuq denunzja tal-għaqda Repubblika hemm indikazzjoni li jista’ hemm l-intermedjarji fin-negozju tat-traffikar tal-bnedmin li għandhom preżenza f’Malta. Dan għaliex fuq mowbajl ta’ wieħed mis-66 immigrant li ġew salvati f’April instab kuntatt ta’ persuna li toqgħod Malta. Fl-inkjesta, il-Maġistrat Joe Mifsud ordna biex il-Pulizija tinvestiga lil dan il-persuna biex ikun stabilit x’sehem seta’ kellha fl-organizazzjoni tal-vjaġġ mil-Libja għal Malta.

Mix-xhieda tal-immigranti ħareġ li dawn telqu minn Garabulli ġewwa l-Libja iżda ma kellhom l-ebda direzzjoni ħlief li jaslu l-Ewropa. Wieħed mill-immigranti Amir Sabeel li xehed fl-inkjesta qal li qabel bdew il-vjaġġ mil-Libja t-traffikanti qalulhom li se jiltaqgħu mal-vapur Alan Kurdi, tal-għaqda Ġermaniża Sea-Eye u li kien se jieħu ħsiebhom. Immigrant ieħor xehed li ma riedux jiġu salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta u kontinwament talbu lil Alarm Phone sabiex jiġu salvati mill-vapuri Alan Kurdi jew Sea Watch.

Il-Maġistrat li sema’ x-xhieda ta’ 156 persuna, innota li mill-bidu nett kien hemm pjan sabiex tinħoloq sitwazzjoni ta’ salvataġġ f’nofs ta’ baħar anke għaliex id-dinghy b’66 immigrant kellha biss mutur ta’ 40 horsepower u bil-provvista minima ta’ fjuwil.

Dwar l-allegazzjonijiet li xxandru fost oħrajn min-New York Times, li s-suldati abbord il-P52 għamlu sabutaġġ fil-kill switch tal-magna tad-dinghy u ħallewh jinġarr mal-kurrenti, l-espert fl-inkjesta spjega li dan kien cable li jitfi f’salt il-magna u li din issir biex l-operazzjoni ta’ salvataġġ issir b’aktar sigurtà. L-allegat sabutaġġ ġie mxejjen minn video clip li ġie elevat fl-indaġni li juri l-immigranti jingħataw struzzjonijiet fuq kif dan il-kill switch jista’ jintefa’.

Fuq l-allegazzjoni li l-immigranti għamlu ħames t’ijiem fil-baħar, l-inkjesta sabet li abbażi tad-dejta telefoniku u GPS minn x’ħin telqu mil-Libja sakemm sar is-savataġġ kienu għaddew tliet ijiem, dsatax il-siegħa u ħamsa u erbgħin minuta.

Fil-konkluzjonijet tal-inkjesta, il-Maġistrat Mifsud qal li għandu jkun hemm mekkaniżmu biex iħares ir-reputazzjoni tal-Forzi Armati jew tal-Pulizija minn allegazzjonijiet foloz. Dr Mifsud saħaq li proċess legali jrid ikun mibni fuq provi u fatti.

Aħbarijiet Oħra
Edukazzjoni

Wara li l-Università ta’ Malta semgħet id-dispjaċir tal-istudenti u l-familjari tagħhom għall-aħbar li ċ-ċerimonji ta’ gradwazzjoni se jiġu posposti hija qalet li se ssib soluzzjoni biex dawn isiru fiż-żmien tagħhom. Ilbieraħ…

Immigrazzjoni

Grupp ta’ madwar 50 immigrant żbarkaw matul il-lejl li għadda f’Malta wara li kienu ilhom ġranet abbord il-bastiment  MV Talia. F’kitba fuq twitter l-għaqda Alarm Phone, qalet li wara ġranet maqbuda…

Politika

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tilef vot ta’ fidċuja fil-grupp parlamentari wara laqgħa li damet għaddejja ħames siegħat. Madanakollu, f’konferenza tal-aħbarijiet eżatt wara għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu, Dr Delia qal li mhux…

Edukazzjoni

L-Università ta’ Malta ħabbret li ċ-ċerimonji ta’ gradwazzjoni li kienu se jsiru f’Novembru u Diċembru li ġej jiġu posposti għas-sena d-dieħla minħabba l-inċertezza relatata mal-COVID-19. Ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred Vella…

Aktar