Stejjer Umani
Induna li għandu l-Parkinson’s waqt li fetaħ idejh fit-talba tal-Missierna

Iż-żfin għal ħafna huwa mezz ta’ soċjalizzazzjoni u divertiment imma għal Joe Saliba, li għandu 72 sena, iż-żfin huwa aktar minn żvog.

Joe huwa fost bosta persuni li ħadu l-parir professjonali li jfittxu l-movimenti taż-żfin biex itaffu l-effetti tal-Parkinson’s. Kien waqt it-talba tal-Missierna li xegħlitlu l-bozza l-ħamra. “Kienet għadha ħajja l-mara konna nagħmlu ċertu talb u fil-Missierna niftħu jdejna u indunat li din qed tiċċaqlaq,” jiftakar Joe.

Waqt it-talba tal-Missierna, Joe innota li idu x-xellugija bdiet titriegħed. Wara ħafna testijiet irriżulta li Joe għandu l-Parkinson’s.

Il-Parkinson’s ma tħallihx jorqod. “Idejja tibda tiċċaqlaq u ma nkunx nista’ norqod. Allura jrid jaqbadni vera ngħas u ħafna drabi qabel nofsillejl, is-siegħa ma norqodx.”

Ftit wara li skopra li għandu l-Parkinson’s, Joe ħa daqqa ta’ ħarta oħra; tilef lil martu Carmen. “Il-mara kienet fuq tagħha, u kont ngħidilha ‘int melħa, tagħmel ħbieb ma’ kulħadd’ u kont nammiraha. Issa jien illum qiegħed nipprova noħroġ minni nnifsi u nixbaha,” jistqarr Joe.

Għal Joe l-ħajja trid tkompli u qed jgħixha jum b’jum. “Il-mara qatt ma mardet b’qalbha u telqet. Jien marid b’qalbi u għadu jridni l-Mulej. Il-missjoni għadha ma spiċċatx.”

Is-sigriet biex Joe ma jaqax f’dipressjoni huwa li joħroġ u jagħmilha man-nies. L-iżvog tiegħu sabu fiż-żfin li jservih ta’ terapija għall-Parkinson’s. “Terapija ħafna jgħinni, għax inti meta tmur hemm tkun inkwetat għandek siegħa, siegħa u nofs, moħħok trankwill. Apparti minn hekk qed tagħmel l-eżerċizzju.”

Jattendi għal-lezzjonijiet taż-żfin sa erba’ darbiet fil-ġimgħa. “Pereżempju Singing in the Rain, u fl-istess ħin qed nieħdu pjaċir għax nidħku, għax qatt ma bsart li fi xjuħiti se noqgħod niżfen,” jgħid Joe.

Ix-xewqa ta’ Joe hi li tinstab kura għal din il-marda kiefra li qed iżżomm ħafna nies milli jgħixu ħajjithom fil-milja tagħha.

Aħbarijiet Oħra
Familja

Wada mill-agħar konsegwenzi tat-tilwim bejn il-ġenituri speċjalment f’każi ta’ separazzjoni hija dik magħrufa bħala parental alienation, meta ġenitur jgħawwi lill-ulied kontra l-ġenitur l-ieħor. Fil-jum li fih qed titqajjem kuxjenza dwar…

Kronaka

Garaxx ħa n-nar fis-Swatar. TVM infurmat li l-garaxx jinsab fi Triq Borg Olivier. Fuq il-post issejħu membri tal-Protezzjoni Ċivili. Aktar dettalji fil-ħin li ġej.  

Partit Nazzjonalista

Il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għas-Saħħa Dr Stephen Spiteri ħeġġeġ lill-Gvern li jekk hemm bżonn jirrevedi l-mod kif tinxtara l-mediċina li titqassam b’xejn minħabba li pazjenti tfal li jbatu bil-kundizzjoni tal-ADHD qed…

Aktar