Politika
“Infakkru l-passat iżda nħejju dan il-moviment għall-futur” – PM

Il-Prim Ministru, Robert Abela, f’diskors lill-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista ħabbar li l-Gvern se jkompli jagħmel riformi biex nofs jew il-maġġoranza tal-membri fil-kummissjoni li tinnomina persuni biex iservu bħala Imħallfin u Maġistrati ikunu membri tal-ġudikatura stess. Żied jgħid li l-governanza tajba se tibqa prijorità ewlenija tal-gvern u jistenna riżultati tanġibbli u effettivi mill-korp tal-pulizija. Dr Abela qal li bħalma kien u għadu, il-Partit Laburista se jibqa’ l-partit riformista fil-pajjiż.

Il-Partit Laburista ta bidu għall-attivitajiet biex f’Ottubru li ġej ifakkar il-mitt sena mit-twaqqif tiegħu, f’dak li l-Mexxej Laburista sejjaħ bħala vjaġġ li se jfakkar il-passat tal-partit iżda jħejjih ukoll għall-ġejjieni. Waqt li tkellem dwar il-kisbiet tal-partit tul is-snin, fl-ewwel diskors bħala mexxej f’Konferenza Ġenerali Straordinarja, Dr Abela stqarr li ħafna ħasbu li fi Frar l-Partit Laburista se jkun imkisser, imma hu magħqud u b’saħħtu aktar minn qatt qabel. Wissa li hemm linji li jekk jinqabżu kulħadd jaf x’se jkunu l-konsegwenzi. Dr Abela qal li fl-ewwel xahar bħala Prim Ministru ħa deċiżjonijiet li kien hemm bżonn jittieħdu fi sfond ta’ tmexxija li qal hi ġusta imma dixxiplinata.

Dr Abela qal li Partit Laburista huwa l-uniku moviment tat-tkabbir ekonomiku, u semma kif fl-aħħar erba’ ġimgħat ħames istituzzjonijiet internazzjonali kkonfermaw li din is-sena u d-dieħla Malta se jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku minn fost l-ekonomiji Ewropej. Għaraf iżda li l-faqar mhux perċezzjoni u wiegħed li l-Gvern se jkompli jaħdem biex ebda tifel jew tifla ma jgħixu fil-faqar. Semma fost oħrajn l-obbligu li jissaħħu l-prinċipji soċjali – inkluż il-kunċett ta’ ħlas indaqs għall-istess xogħol.

Wara li gvern laburista daħħal liġijiet ambizzjużi bħall-unjoni ċivili u żwieġ indaqs għal kulħadd, il- Prim Ministru qal li fadal aktar xi jsir għax ma jridx stat riġidu li jiġġudika l-għażliet personali tan-nies, imma pajjiż li jagħti l-libertà lil kulħadd biex jibni l-familja tiegħu/ F’dan il-kuntest qal li jridu jsiru aktar bidliet fil-liġi tal-IVF.

B’referenza għall-qagħda tal-Partit Nazzjonalista, Dr Abela qal li jidher li s-soluzzjoni li sabu għall-problemi hi li jdaħħlu politiċi li ilha li skaditilhom il-‘best before date’. Qal li din weħidha tikkonferma mentalità li tieħu lill-pajjiż lura. Qal li l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti rrifjutaw li jiltaqgħu miegħu fil-preżenza tal-Ewroparlamentari Laburisti u stqarr li fil-laqgħa li kellu magħhom inħasad bi kliemhom. Żied li ma jifhimx għala din il-mibgħeda kontra Malta u fi kliemu l-vera intenzjoni tal-Partit Nazzjonalista hija ifred u saltan.

Il-Mexxej Laburista talab apoloġija jekk kien hemm Laburisti li ħassewhom imwarrba meta fl-aħħar snin il-partit kellu kurraġġ li jsir moviment u jwaqqa’ l-mentalità ta’ fortizza. Qal li l-Partit Laburista se jibqa’ miftuħ għal kulħadd u mmexxi minn prinċipji sodi.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Benesseri tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, Claudio Grech ippropona li l-għajnuna li ħabbar il-Gvern għal setturi li ntlaqtu mill-pandemija tkun estiża lill-ħaddiema kollha li ntlaqtu mill-imxija. Ippropona ukoll…

Kronaka

Ingliż ta’ 56 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara inċident fil-Gżira. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fl-inħawi magħrufa bħala Manoel Island,…

COVID-19

Il-linja tal-ajru Ryanair qalet fi stqarrija li hekk kif il-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea waqqfu t-titjiriet minn u lejn pajjiżhom, dan wassal biex iktar minn 90% tal-ajruplani tagħha mhumiex jintużaw. Qalet…

COVID-19

Inġiniera mill-Università ta’ Malta qed jibnu apparat li jiddiżinfetta l-maskli, bil-għan li dawn ma jintużawx darba biss u jintremew. Qalet dan fi stqarrija l-Università ta’ Malta, li saħqet li dan…

Aktar