Saħħa
Infermiera jitħarrġu fuq il-katavri biex isalvaw il-ħajjiet f’emerġenza

Għall-ewwel darba infermiera fid-dipartimenti tal-kura tal-qalb u tad-dipartiment tal-emerġenza għamlu kors speċjalizzat, b’taħriġ prattiku fuq katavri ta’ nies li, bi ftehim mal-Università ta’ Malta, jħallu ġisimhom biex studenti jagħmlu r-riċerka tagħhom fuqu.

L-infermiera tħarrġu, fost oħrajn, fuq proċedura ġdida fuq kif jagħtu injection dirett fil-mudullun flok fil-vini.

Il-ħila, il-ħeffa u l-għarfien ta’ kif l-infermiera jagħtu l-ewwel assistenza f’każ ta’ emerġenza tista’ tkun id-differenza bejn ħajja u mewt. Żewġ gruppi ta’ infermiera li jaħdmu fid-dipartimenti tal-kura tal-qalb u fl-Emerġenza tal-kbar u ż-żgħar f’Mater Dei lestew kors intensiv dwar kif jinstab aċċess immedjat għall-vini f’każ ta’ emerġenza. Grupp ta’ instructors li jagħtu l-ewwel għajnuna ngħataw anke taħriġ barra minn Malta, biex setgħu jagħtu dak li tgħallmu lill-infermiera Maltin.

“Il-proċedura nużawha meta għandna pazjenti f’emerġenzi estremi fejn għandna bżonn intuh mediċini life-saving jew drips, imma ma nistgħux insibu aċċess għall-vina. Għandna labbra apposta li biha nidħlu litteralment fl-għadma. Ħafna jaħsbu li l-għadma hija xi ħaġa mejta, jew struttura li qegħda hemm biss biex iżżomm il-ġisem wieqaf. Fir-realtà l-għadma fiha ħafna blood supply,” spjega l-istruttur tal-ewwel għajnuna (resuscitation instructor) Duncan Briffa.

It-taħriġ speċjalizzat sar fid-dipartiment tal-anatomija fil-fakultà tal-medicina u l-kirurgija fl-Università ta’ Malta. Il-Kap tad-dipartiment ,il-professur Jean Calleja Agius, qalet li li l-fakultà fetħet il-bibien anke għall-istudenti tal-mediċina u fin-nursing biex jagħmlu dan it-taħriġ speċjalizzat bl-użu tal-katavri.

“Grazzi għad-donaturi li kienu ġenerużi li jgħaddu fit-testment tagħhom li wara mewthom, minflok jagħtu ġisimhom għad-dfin, jagħtu lill-Università biex permezz t’hekk l-istudenti jkunu jistgħu jipprattikaw ċertu teknika fil-kura u l-kirurġija li kieku ma tippratikahiex fuq ġisem mejjet, ma tkunx tista’ tipprattikha fuq il-pazjent,” qalet Prof Calleja Agius.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li l-livell ta’ kura fil-qasam tas-saħħa jiddependi mil-livell tal-impjegati imħarrġa. “Kull sena niddedikaw ammont ta’ riżorsi biex inkomplu nħarrġu lill-istudenti u t-tobba tagħna biex il-livell fil-qasam tas-saħħa dejjem jibqa’ jogħla.”

F’dan l-ezerċizzju tat-taħriġ, l-infermiera ngħataw taħriġ speċjalizzat biex flok il-vina jużaw il-mudullun tal-għadam bħala mezz aħħari biex jagħtu kura f’każi fejn din it-teknika tista’ tkun aktar effettiva.