Qorti
Infetħu 11-il investigazzjoni oħra minbarra dik tad-delitt tal-ġurnalista Caruana Galizia

Quddiem l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia llum xehed l-ispettur Kurt Zahra, li qal li l-investigazzjoni dwar id-delitt waslet fit-tielet fażi, fejn fi Frar li għadda twaqqfet task force magħmula minn tmien uffiċjali tal-Pulizija li qiegħda tinvestiga aspetti differenti tal-investigazzjoni.

L-ispettur Zahra qal li mid-data elevata mill-Europol infetħu 11-il investigazzjoni oħra, minbarra l-investigazzjoni tad-delitt. Qal li fil-ġimgħat li ġejjin, il-Europol ser tkun qed tippreżenta d-data kollha fil-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech ix-xahar id-dieħel.

Fis-seduta xehdet ukoll l-eks Segretarju Permanenti fil-Minister tal-Affarijiet Barranin, Fiona Formosa dwar it-trasferiment lejn Malta mill-Indja ta’ Andrew Caruana Galizia mill-kariga tiegħu bħala diplomatiku fl-2017. Mistoqsija min kien ta’ struzzjonijiet biex is-sur Caruana Galizia jirritorna fi żmien ġimagħtejn, is-sinjura Formosa wieġbet li l-ordni kienet ġiet mingħand il-Ministru tal-Affarijet Barranin ta’ dak iż-żmien, Carmelo Abela.