Infrastruttura
Infrastructure Malta tpoġġi l-Pont ta’ Kordin f’postu

Ilbieraħ filgħaxija, Infrastructure Malta poġġiet f’postu l-pont ġdid għall-mixi u r-roti f’Kordin. Dan il-pont ta’ 25 metru jaqsam minn fuq Triq Dom Mintoff, magħrufa wkoll bħala t-Telgħa ta’ Kordin, sabiex joħloq aċċess aktar sigur bejn l-inħawi residenzjali u dawk industrijali kif ukoll il-Kampus tal-MCAST fuq in-naħa ta’ Kordin u l-qalba ta’ Raħal Ġdid fuq ix-xaqliba l-oħra. Bħalissa, biex jilħqu dawn iż-żoni, dawk li jivvjaġġaw bil-mixi, bil-karozza tal-linja jew bir-rota jkollhom jaqsmu diversi toroq arterjali u jimxu fuq bankini dojoq b’aċċess limitat u b’ħafna karozzi għaddejjin magħhom.

Fi stqarrija, Infrastructure Malta qalet li aktar kmieni din is-sena l-kuntratturi tal-proġett bdew jibnu l-istrutturi tal-pont u r-rampi li jwasslu għalih fuq il-ħitan għoljin li hemm mal-ġnub tat-triq. Tim ta’ ħaddieda ħadmu l-istruttura tal-azzar f’fabbrika l-Italja. Din inġiebet Malta bil-baħar ftit tal-ġimgħat ilu f’partijiet u mbagħad ġiet immuntata f’post viċin.

Il-Ħamis filgħaxija, il-ħaddiema ġarrew din l-istruttura ta’ 16-il tunnellata lejn Triq Dom Mintoff, fejn użaw krejn kbir biex tellgħuha u poġġewha fuq l-istrutturi li nbnew apposta biex isserraħ fuqhom. L-aħħar xogħlijiet biex jitlestew il-pont u l-infrastruttura kollha ġdida madwaru jissoktaw fix-xhur li ġejjin.

Infrastructure Malta qed tippjana li tlesti dan il-proġett ta’ €1.6 miljun sal-aħħar tas-sena. Dan se jkun it-tielet pont li Infrastructure Malta se tkun għamlet fl-2020 għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi, bil-karozza tal-linja jew bir-rota. F’Ġunju fetħet struttura simili fi Vjal l-Avjazzjoni, Ħal Luqa u x-xahar li għadda lestiet ieħor fi Triq San Ġorġ Preca, Blata l-Bajda.

Ir-rampa li twassal għall-pont fuq in-naħa ta’ Kordin saret fuq art mittiefsa li ma kinitx tintuża, u li tinsab bejn Triq Dom Mintoff u Triq Kordin, quddiem il-Kampus tal-MCAST. Il-pont jaqsam minn fuq it-triq għal ġo Ġnien il-Mediterran li qiegħed elevat diversi metri ‘l fuq fl-istess inħawi.

Il-gverta tal-pont wiesgħa 3.5 metri u r-rampi li jwasslu għaliha ġew iddisinjati b’mod li joffru aċċess komdu lil kulħadd. Fuq in-naħa ta’ Kordin se jkun hemm ukoll lift. Bħala parti minn dan il-proġett, Infrastructure Malta qed tibni passaġġ ġdid għall-mixi u r-roti fl-inħawi ta’ Ġnien il-Mediterran. Dan il-passaġġ se jgħaqqad il-pont mal-waqfiet eżistenti għall-karozzi tal-linja fit-Telgħa ta’ Raħal Ġdid, it-triq li twassal għaċ-ċentru ta’ din il-lokalità. Kemm il-pont kif ukoll il-passaġġ ġdid se jkunu attrezzati b’sistema ta’ CCTV cameras u bid-dwal għal aktar sigurtà u sigurezza fl-ivvjaġġar.

Aħbarijiet Oħra

Għall-ħabta tad-9pm ġie rilaxxat mill-arrest Keith Schembri, l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, wara li kien arrestat mill-Pulizija għall-ħabta ta’ nofsillejl. Huwa ħareġ mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, akkumpanjat mill-avukati…

Qed joqrob il-jum li fih mistennija jiftħu l-bibien tagħhom l-iskejjel għas-sena skolastika ġdida, Television Malta żar uħud mit-tħejjijiet li qed isiru f’xi skejjel tal-Gvern u tal-Knisja biex jassiguraw il-prekawzjonijiet kollha…

Il-Partit Nazzjonalista qal li hija ħaġa tal-iskantament kif fl-aħħar jiem il-Kummissarju tal-Pulizija bi ftehim mal-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri ħabbar li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija se tispiċċa u dan…

Fid-Dar tal-Anzjani San Ġużepp il-Fgura bħalissa hemm ftit iżjed minn 100 anzjan li għandhom il-Coronavirus. 15 minnhom irriżultaw ilbieraħ. Il-Clinical Chair tal-Ġerjatrija, Dr Brian Farrugia, qal lil TVM li s-sitwazzjoni…

Aktar