Riċerka u Innovazzjoni
Inġiniera Maltin joħolqu sistema biex it-tilqima tkun tista’ tinġarr aħjar

Fi ftit żmien ieħor sistema ġdida li kienet żviluppata minn riċerkaturi Maltin ser ittejjeb il-kwalità tal-ħajja fuq livell internazzjonali.

Inġiniera Maltin mill-Università ta’ Malta flimkien ma’ dawk mill-Kumpanija New Energy irnexxielhom joħolqu sistema li żżomm l-apparat elettroniku f’temperatura baxxa ħafna.

Dan l-apparat jista’ anke jintuża biex il-vaċċin kontra l-pandemija jittieħed minn post għall-ieħor b’aktar faċilità, u biex il-kwalita’ tal-istampa tal-kameras tat-televizjoni tkun superjuri għal dik preżenti, fost oħrajn.

“Sibna mod kif inkessħu ċertu ICs bħal image sensors jew CPUs fi spazju veru zgħir u nistgħu ninżlu f’temperaturi veru baxxi,” qal Andrè Micallef, Assistant Lecturer fl-Università ta’ Malta.

Ir-riċerka ser titwessa’ bis-sistema żviluppata ser tintuża f’diversi oqsma, partikolarment fis-sitwazzjoni preżenti tal-pandemija biex il-vaċċin jittieħed minn post għall-iehor mingħajr il-ħtieġa ta’ freezers kbar.

“Dan il-proġett il-pubbliku jista’ jibbenefika minnu għax nistgħu noħorġu prodotti li jkunu iżjed ‘high performance’ hemm barra, jiġifieri anke affarijiet bħal laptops inkunu nistgħu inkessħu l-ICs ta’ ġo fihom il-‘performance’ tagħhom tkun ħafna iżjed, kameras u apparti hekk ser ikun hemm prodotti mediċi ċertu mediċina u l-vaċċin li jistgħu jiġu użati mhux biss Malta, però f’postijiet oħrajn.”

Ir-riċerka setgħet issir bl-għajnuna finanzjarja ta’ €200,000 li ngħatat minn fond għar-riċerka mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li dan il-prodott juri l-ħiliet tar-riċerkaturi Maltin li qed joħolqu prodotti biex jissodisfaw bżonn partikolari u li qed jagħtu profil għoli lil Malta. “Dan huwa prodott li ma kienx hawn qabel fis-suq, huwa prodott ġdid u kif jiġi kkummerċjalizzat ser ikun mibjugħ fis-swieq internazzjonali, li hija verament xi ħaġa li ġġib value added kbir lill-ekonomija Maltija.”

Il-Ministru Bonnici spjega li bħalissa madwar 2,500 persuna qed jaħdmu fil-qasam tar-riċerka.