Politika
ARA: “Inħallu lill-President jagħmel xogħlu” – deputati tal-PN dalgħodu

Deputati tal-Partit Nazzjonalista dalgħodu indikaw li s-sitwazzjoni fir-rigward tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia mhux se tinbidel sakemm il-President jieħu deċiżjoni.

Waqt li kien dieħel fil-binja tal-Parlament, meta mistoqsi lil min se jirrikonoxxi llum bħala Kap tal-Oppożizzjoni fis-seduta parlamentari, id-Deputat Chris Said qal li se jħalli l-proċess kostituzzjonali jieħu l-kors tiegħu u se jistennew id-deċiżjoni tal-President. Anki d-deputat Karol Auilina wiegħed li se jistennew id-deċiżjoni tal-President.

Ftit wara fil-Parlament daħal il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius, li wkoll qal li sal lum il-Kap tal-Oppożizzjoni għadu Adrian Delia u kif il-President jieħu deċiżjoni, jimxu skont id-deċiżjoni tal-President.

Dwar jekk hux se jiftħu kawża kostituzzjonali f’każ li Adrian Delia ma jibqax rikonoxxut bħala Kap tal-Oppożizzjoni, is-Sur Agius tenna li dan jiġi deċiż ladarba tittieħed id decizjoni mill-President.

Id-deputat Jason Azzopardi qal li r-rieda taż-żewġ terzi tal-grupp parlamentari tal-oppożizzjoni hi magħrufa u jeħtieġ jistennew lill-President jiddeċiedi li s’issa ma kellhom ebda komunikazzjoni mingħandu. Qal li mhux prudenti li jitkellmu qabel deċiżjoni tal-President. Dwar jekk għada hux se jressqu vot ta’ fiduċja fit-tmexxuna tal-PN waqt l-Eżekuttiv, Dr Azzopardi qal li sa għada fadal ħafna u jridu jaraw kif tiżviluppa s-sitwazzjoni.

Ara wkoll:

Id-19-il deputat tal-Grupp Parlamentari tal-PN qalu li f’kull deċiżjoni qed ipoġġu l-interessi tat-tesserati fuq quddiem