Familja
“Inħoss ferħ kbir f’qalbi meta jgħajtuli nanna”

Illum kien imfakkar il-jum dinji tan-nanniet, fil-jum li ġiet iċċelebrata l-festa ta’ Sant’Anna u San Ġwakkin li kienu n-nanniet ta’ Ġesu. Din il-festa ġiet imnedija mill-Papa Franġisku fi Frar ta’ din is-sena.

Fil-knisja parrokkjali ta’ Wied il-Għajn iddedikata lil Sant Anna ġiet iċċelebrata quddiesa mmexxija mill-Arċisqof Charles J Scicluna. Nanniet li tkellmu ma’ TVM qalu li l-għożża li għandhom għan-neputijiet hija indeskrivibbli.

Fil-jum dinji tan-nanniet, li jaħbat mal-festa ta’ Sant Anna u San Ġwakkin, li kienu n-nanniet ta’ Ġesu, għadd ta’ nanniet ikkonkorrew bi ħġarhom għal quddiesa fil-parroċċa ta’ Sant Anna.

Il-Papa Franġisku kien nieda dan il-jum fi Frar li għadda għaliex jemmen li l-irwol tan-nanniet u l-pariri prezzjużi tagħhom huma teżor għall-umanità, u għalhekk għandna nħossuna mberkin fil-preżenza tan-nanniet li ħafna minnhom jibqgħu ddedikati għall-familja sal-aħħar ta’ ħajjithom.

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof Scicluna appella biex l-ulied u n-neputijiet japprezzaw lin-nanniet, u anki jitolbu maħfra jekk wieħed jonqoshom. Appella wkoll biex min għad għandu l-grazzja li għandu n-nanniet ħajjin, imur jarahom.

Crew ta’ TVM iltaqa’ ma’ għadd ta’ nanniet, fosthom mal-kantant Tony Camilleri, magħruf bħala l-għannej, li huwa wkoll nannu. “In-neputijiet huma estensjoni tagħna nnifsina u nħobbhom immens, kollha kemm huma.”

Malli ssemmilhom in-neputijiet in-nanniet jagħtu dik it-tbissima mimlija imħabba. Ħafna minnhom qalulna li jħobbu lin-neputijiet iktar minn uliedhom. Ara x’kellhom xi jgħidu dawn in-nanniet: