Mużika
“Inħoss wisq in-nuqqas ta’ Sammy Bartolo – kien qisu ħija”

Minkejja li ilu 24 sena mejjet, il-vuċi tal-kantant Sammy Bartolo għadha ssaħħar fil-kanzunetti immortali tal-grupp tiegħu New Cuorey, fosthom il-“Bajja tal-Mellieħa” u “L-Aħħar Bidwi f’Wied il-Għasel”.

Wieħed mill-kompożituri u membri tal-grupp, Joe S Grech, ddeċieda li joħroġ numru limitat ta’ albums b’kanzunetti oriġinali tal-grupp kif kienu rrekordjati dak iż-żmien bil-qliegħ se jmur għall-karita’.

F’intervista ma’ TVM, Joe S Grech jeħodna lura fiż-żmien meta l-grupp New Cuorey u Sammy Bartolo kienu fl-aqwa tagħhom.

Meta ssemmi kanzunetti immortali Maltin ma tistax ma ssemmix kanzunetti bħall-“Bajja tal-Mellieħa”, “L-Aħħar Bidwi f’Wied il-Għasel” u d-“Dgħajsa tal-Latini”.

Joe S Grech, kompożitur u kitarrista tal-grupp New Cuorey, qanqal diversi memorji ta’ sieħbu Sammy Bartolo, li flimkien miegħu bdew vjaġġ mużikali li tahom ħafna suċċessi.

“Kien avviċinani Sammy u bdejna nirriħersjaw id-dar ta’ ommu u għamilna sentejn nitgħallmu ‘cover versions’ .. u bdejna niktbu s-‘songs’ .. u jien ktibt ħafna s-‘songs’ u kien hemm Paul Abela li kiteb ukoll hu”.

Joe qalina li wara li ngħaqad ma’ Sammy Bartolo u ffurmaw il-grupp New Cuorey permezz tas-surmast Paul Abela, li kkompona fost l-oħrajn il-kanzunetta immortali “L-Aħħar Bidwi f’Wied il-Għasel”, magħhom ingħaqad ukoll Joe Bartolo li kien id-drummer tal-grupp.

Kompożitur ieħor għal New Cuorey kien Alfred C Sant b’Joe qal li dak iż-żmien il-finanzi kienu limitati ħafna iżda kienu jagħmlu minn kollox biex jagħtu xogħol ta’ livell għoli li kien jindaqq fuq ir-redifussion.

“Mir-redifussion u beda ġej ir-radju, meta għamilna “Il-Bajja tal-Mellieħa din splodiet”.

Bla dubju Joe iħoss wisq in-nuqqas ta’ sieħbu Sammy Bartolo li miet 24 sena ilu.

“In-nostalġija … Sammy, jien u hu għal żmien flimkien qisna aħwa … għadni sal-lum it-telfa nġorrha jien”.

Joe ddeċieda li jkompli l-legat tal-grupp New Cuorey b’album ġdid ta’ kanzunetti immortali kif irrekordjati dak iż-żmien bil-fondi se jmorru għall-Fondazzjoni Puttinu Cares.

“Nixtieq li min iħobb lil New Cuorey ikollu din is-CD. U Sammy dak iż-żmien kellu l-aqwa ‘interpretations’ li qatt ta”.