Eurovision
“Inħossni eċċitata ħafna għal-lejla iżda se nagħmel ħilti kollha biex nagħmilkom kburin”

Stennija llejla għall-ewwel semi-finali tal-Eurovision Song Contest f’Rotterdam l-Olanda. Il-kantanta Destiny se tkanta fis-sittax-il post tas-semi-finali tal-lejla, li minnha jridu jgħaddu għaxar kanzunetti għall-finali tas-Sibt li ġej.

Destiny se tkun qed tirrappreżenta lil Malta bil-kanzunetta Je Me Casse, li skont is-sit tal-imħatri, hija fost il-favoriti li wara nuqqas ta’ diversi snin se tkun qed tgħaddi għall-finali.

F’kummenti ma’ Television Malta waqt it-tħejjijiet, ftit qabel il-prestazzjoni tagħha, Destiny wegħdet li hi flimkien mat-tim tagħha se jagħmlu lil Maltin kollha kburin.

“Bħalissa qiegħdin nippreparaw u nħossni, eċċitata ħafna. Naf li qed joqrob il-ħin iktar u iktar inħossni eċċitata għax naf li ftit oħra se jkolli nitla’ fuq il-palk u nkanta quddiem dawk in-nies kollha. Inħossni verament kuntenta qiegħda hawnhekk u għandi din l-opportunità u nixtieq ovvjament nagħmel min kollox jiena u t-tim ħa nagħmlu minm kollox biex nagħmlukom kburin iżda jiġri x’jiġri …. imbagħad naraw!

Ilbieraħ, Destiny kantat fil-provi uffiċjali, li matulhom ivvutaw il-membri tal-ġurija minn kull pajjiż parteċipant f’votazzjoni li ġġorr ħamsin fil-mija tal-vot li se jiddetermina min se jgħaddi għall-finali ta’ nhar is-Sibt.

Il-kantanta ta’ 18-il sena se tkun l-aħħar waħda mis-16-il pajjiż li se jkunu impenjati llejla. Skont it-tbassir tas-siti tal-imħatri barranin, wara l-wirja tal-bieraħ, Malta tinsab fost l-għaxar favoriti li jgħaddu għall-finali tas-Sibt. Il-pubbliku se jkun jista’ jivvota għall-kanzunetta favorita tiegħu waqt is-semi-finali tal-Eurovision, serata li se tixxandar dirett fuq TVM wara dan il-bulletin ta’ aħbarijiet kif ukoll fuq tvm.com.mt

Ara wkoll:

Ara l-prova ta’ Destiny lbieraħ – illejla tkanta fl-ewwel semi-finali