Edukazzjoni
Inisslu tbissima lill-istudenti, għandhom seba’ mitt sena sakemm jerġgħu lura fil-klassi f’Settembru

F’dawn l-aħħar jiem, l-istaff tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir ħoloq filmat bil-għan li jnissel tbissima lill-istudenti u biex fost l-oħrajn l-għalliema juru ‘l-istudenti tagħhom li matul il-pandemija tal-Covid-19 isimhom baqa’ jberren f’moħħhom minkejja l-fatt li għal diversi ġimgħat il-virus żammhom ‘il bogħod mill-awli skolastiċi.

Fi ftit kliem, kull membru tal-iskola ġibed filmat ta’ madwar 40 sekonda. Matulhom, jispikkaw it-tbissima fuq fomm dawk li ħadu sehem u l-ħeffa liema bħalha waqt li l-għadd ta’ għalliema jiżfnu fuq in-noti ta’ diversi kanzunetti. Liema filmati, ingħaqqdu minn żewġ għalliema u fl-aħħar nett ħarġu erba’ filmati li jisirqulek qalbek.

Matul dawn l-aħħar ġimgħat il-kulleġġ, immexxi minn Mario Mallia, għamel mezz sabiex jibqa’ f’kuntatt mal-istudenti u jkompli jwassal it-tagħlim fejn kien possibbli minkejja ż-żminijiet xejn faċli. Atteġġjament altruwistiku, li jimxi id f’id mal-motto tal-kulleġġ, ‘Proud to Belong’.

Intant, l-istaff tal-kulleġġ għandu seba’ mitt sena sakemm Settembru jkun magħna biex b’hekk l-erba’ ħitan ta’ San Albert il-Kbir jilqgħu fi ħdanhom mill-ġdid lill-istudenti għal sena skolastika ġdida. Bit-tama, li kollox jimxi ħarir.