Lokali
Inizjattiva biex it-tfal jinnamraw ma’ lingwi barranin sa mill-primarja

Mis-sena skolastika li jmiss, l-istudenti kollha fl-iskejjel tal-primarja tal-Istat, se jibdew jingħataw lezzjonijiet fuq lingwi differenti u l-kulturi marbutin magħhom. Żvela dan ma’ Television Malta l-Kordinatur tal-Foreign Language Acquisition Programme, Mario Pace, li qal li dan qed isir bl-għan li l-istudenti jkollhom qafas sod biżżejjed f’lingwi differenti.

Minn Settembru li ġej, l-istudenti fl-iskejjel primarji tal-Gvern se jibdew jingħataw għarfien ta’ lingwi barranin, id-differenzi bejniethom u l-kulturi tagħhom. Dan se jkun possibbli, wara li proġett pilota li sar f’erba’ ċentri tal-Klabb 3-16, ħalla r-riżultati mixtieqa.

Dr Mario Pace, il-kordinatur ta’ dan il-proġett, żvela ma’ Television Malta, li wara l-Għid, se tibda t-tieni fażi tal-proġett f’10 ċentri oħra f’Malta u Għawdex, bl-għan li fis-sena skolastika li jmiss il-proġett jidħol fuq bażi nazzjonali fl-iskejjel primarji tal-Istat.

“L-iskop aħħari huwa li t-tfal inrawmuhom ħalli jibdew jinnamraw mal-lingwi barranin,” qal Pace. “Sfortunatament xi kultant ikollna l-impressjoni li għax nafu l-Ingliż u l-Malti huwa biżżejjed, però fid-dinja globalizzata tal-lum, id-dinja nbidlet u aħna rridu nibdlu anke l-atteġġjament tagħna.”

Anthony Musu, għalliem f’dan il-proġett, stqarr li l-istudenti wrew entużjażmu kbir. “Kien hemm interess qawwi u li ssorprenditni hi li f’lingwi differenti jiġifieri m’għamilniex Taljan biss pereżempju jew Franċiż, imma anki lingwi bħall-Ġappuniż u forsi l-Ġermaniż, u hawn interess akbar fihom.”

Uħud mill-istudenti spjegaw x’tgħallmu (filmat).

 

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, filwaqt li ppreżenta ċertifikati ta’ parteċipazzjoni lill-istudenti, ħeġġeġ lill-għalliema biex irawmu fl-istudenti mħabba lejn lingwi differenti.