COVID-19
“Inkwetanti li gruppi ta’ nies qed jiltaqgħu fuq il-bajjiet” – Prof Gauci

Is-Supretendent tas-Saħħa qalet li huwa inkwetanti li hemm gruppi ta’ nies li qed jiltaqgħu fuq il-bajjiet.

Fil-bulettin mediku tal-lum, Prof Gauci saħqet li huwa importanti li tibqa’ tinżamm id-distanza soċjali, u dawk li jmorru fejn il-baħar għandhom dejjem jillimitaw in-nies li jkunu magħhom u jużaw ukoll il-mezzi ta’ mitigazzjoni biex ma jferrxux u ma jiħdux il-virus.

Għal diversi mistoqsijiet mill-ġurnalisti fuq il-ftuħ tar-restoranti, Prof Gauci qalet li l-awtoritajiet tas-saħħa wettqu evalwazzjoni tar-riskju tal-miżuri kollha li kienu tpoġġew fis-seħħ ix-xahar li għadda, u r-rakkomandazzjonijiet ta’ x’għandu jinfetaħ huwa bbażat fuq miżuri ta’ mitigazzjoni.

Qalet li jistgħu jinfetħu r-restoranti jekk kulħadd ikun qed isegwi l-miżuri ta’ mitigazzjoni li jkun marbut bihom il-ftuħ ta’ dawn il-ħwienet.

Dwar jekk persuni vulnerabbli għandhomx imorru fi ħwienet u restoranti, Prof Gauci qalet li dawn huma jafu xinhuma l-bżonnijiet tagħhom, u jekk joħorġu jridu jaraw li jmorru f’postijiet fejn ikunu siguri u jieħdu l-miżuri li għandhom jieħdu biex ma jimirdux.

Mistoqsija fuq il-ftuħ tal-knejjes, Prof Gauci kkonfermat li l-awtoritajiet tas-saħħa se jiltaqgħu mal-awtoritajiet tal-Knisja biex jiddiskutu kif il-Knisja tkun tista’ tkompli bis-servizzi tagħha waqt li tuża mezzi ta’ mitigazzjoni.

Ritratt (fuq) meħud nhar is-Sibt 16 ta’ Mejju f’Għajn Tuffieħa

Ara wkoll:

5 każi ġodda ta’ Covid-19 f’Malta, 2 oħra mfejqa