Qorti
Inqabad ibigħ ir-roti li kien jisraq fuq Facebook Marketplace

Raġel ta’ 51 sena li jgħix il-Gżira baqa’ miżmum taħt arrest wara li kien mixli li seraq numru ta’ roti.

David Yates ġie akkużat quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello li kkommetta dan is-serq mill-inħawi tal-Gżira u l-Imsida.

L-Ispettur Jonathan Ransley, li qed imexxi l-prosekuzzjoni, spjega kif il-Pulizija kienet ilha x-xhur tinvestiga dan is-serq sakemm rat waħda mir-roti fuq Facebook Marketplace u waslu għall-akkużat.

Fl-awla Yates qal li kien ma jiflaħx meta ġie spjegat lilu l-gravità tal-akkużi bl-Avukat Daniel Attard, li qed jiddefendih, ukoll jirrimarka li l-akkużat għandu problema bid-droga.

L-Ispettur Ransley oġġezzjona għat-talba tal-ħelsien mill-arrest u qal li kemm-il darba kien hemm nies li nqabdu jieħdu d-droga fid-dar tal-akkużat. Għal dan il-kliem l-akkużat wieġeb li mhux veru u li l-imsemmi spettur qatt ma kien f’daru.

Minkejja li Yates wieġeb mhux ħati l-Maġistrat Montebello ċaħditlu t-talba għall-ħelsien mill-arrest.