Edukazzjoni
Inqabdet tqila waqt l-A-levels, illum tgħin tfajliet oħra bħalha

F’żogħżita, Deborah Bartolo ħarġet tqila u sabet spalla mis-servizz Għożża tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni. Illum mill-esperjenza tagħha stess qed tagħti spalla lil tfajliet oħra li sabu l-wens tal-Għożża fit-triqthom biex isiru ommijiet qabel kienu jistennew.

Tfajla fl-adolexxenza li tinqabad tqila jkollha tikber f’daqqa. Madankollu ħajjitha ma tiqafx mar-responsabilitajiet tagħha bħala omm. Servizz Għożża fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni twaqqaf ‘il fuq minn 25 sena ilu biex joffri għajnuna lil tfajliet/studenti biex jiffaċċjaw ir-realtà li nqabdu tqal u jkomplu bil-ħajja tagħhom.

Tmien snin ilu, Deborah Bartolo ħabbtet il-bieb ta’ Servizz Għożża wara li skopriet li qed tistenna tarbija waqt li kienet qed tagħmel l-eżamijiet tal-A Level. Illum, hija għalliema u tikkollabora mas-Servizz Għożża biex tagħti kuraġġ lil tfajliet oħra, li jsibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni.

“Dħalt persuna mod u ħriġt persuna mod ieħor minn hawnhekk. Ħriġt aktar persuna b’saħħti, naf x’irrid, kapaċi nieħu ċertu deċiżjonijiet, u anke jekk inħoss li xi ħaġa ma tgħoddx għalija, nieħu pożizzjoni. Il-fatt li toħroġ persuna differenti minn hawnhekk hija ta’ għajnuna kbira, anke li taf li meta titlaq minn hawnhekk, jinqala’ x’jinqala’, dejjem se ssibhom lesti li jgħinuk,” tispjega Bartolo.

L-uffiċjal li tieħu ħsieb is-Servizz Għożża, Melanie Bonavia, irrimarkat li kull każ hu uniku, bir-realitajiet u l-isfidi tiegħu. Semmiet li ltaqgħet ma’ każijiet ta’ tfajliet li saħansitra spiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom.

Qalet li minbarra aspetti prattiċi relatati mat-trobbija u l-bidliet fil-ħajja tat-tfajla, fl-aħħar sentejn bdiet tingħata attenzjoni akbar lill-karriera li l-omm żgħażugħa jista’ jkollha waqt li trabbi.

“Waħda mill-affarijiet importanti li nħarsu lejhom huma x’inhuma l-bżonnijiet ta’ din it-tfajla, u fl-aħħar mill-aħħar x’inhuma wkoll il-bżonnijiet tal-ġuvni, jekk il-ġuvni qiegħed fil-kuntest anke tal-ħajja, għax ovvjament jidħlu esperjenzi varji, u allura meta tfajla tiġi għandna aħna nitkellmu mal-partijiet kollha u nippruvaw noħolqu care plan biex naraw x’inhuma dawn il-bżonnijiet,” tfisser Bonavia.

Bħalissa ħmistax-il tfajla adolexxenti li qed jistennew tarbija, qed jattendu s-Servizz Għożża. Is-sena li għaddiet 61 tfajla ngħataw din l-għajnuna. Nofshom kellhom bejn sittax u sbatax-il sena. L-iżgħar kellha 13.

Minbarra għajnuna lit-tfajliet li jinqabdu tqal, il-professjonisti tas-Servizz Għożża joffru wkoll programmi ta’ prevenzjoni fl-iskejjel.

Aħbarijiet Oħra
Saħħa

Fir-residenza San Vincenz De Paule, beda x-xogħol fuq it-tieni fażi tal-kumpless Rużar Briffa li qed isir b’investiment ta’ disa’ miljun ewro. F’din il-fażi se jiġu rinnovati tliet iswali u l-foyer…

Stejjer Umani

Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul, Josianne Cutajar, qalet li wieħed minn kull għaxar anzjani fir-residenza ma jżurhom ħadd. Dr Cutajar qalet li s-soluzzjoni ma tinstabx fi żjara f’xi…

Festi

Dħalna sew issa fi żmien il-Milied. Fil-knejjes illum bdiet in-novena, il-postijiet tad-divertiment qed ikunu miżgħuda attivitajiet bejn il-ħbieb, u ċ-ċentri kummerċjali qed ikunu ppakkjati bin-nies jixtru ħwejjeġ għalihom u rigali….

Lokali

Tintemm uffiċjalment illejla s-sena li matulha l-belt kienet il-kapitali Ewropea tal-kultura bl-attività “L-Aħħar Festa” li tibqa’ sejra sa tard ħafna illejla. Valletta 2018 iżda se tibqa’ għaddejja permezz ta’ numru…

Aktar