Saħħa
Instagram kkritikat fuq bejgħ ta’ mediċinali li jżid il-piż

Is-Servizz tas-Saħħa Nazzjonali (NHS) fl-Ingilterra ħeġġeġ lill-Instagram biex jagħlaq l-profili li qed ibigħu mediċina illegali lit-tfajliet li jridu jżidu l-piż. 

Apetamin hija mediċina forma ta’ ġulepp li qed tħalli impatt negattiv fuq is-saħħa mentali u fiżika tat-tfajliet li qed joħduha. 

It-tobba jsostnu li użu eċċessiv tal-Apetamin li qed jiġi użat biex iżid l-aptit jista’ jikkawża għeja, suffejra u ħsara fil-fwied.

L-Apetamin qed tinbiegħ illegalment kemm fuq il-midja soċjali kif ukoll fil-ħwienet fl-Ingilterra. Il-kapijiet tal-NHS sostnew li huma mħassba minħabba l-impatt negattiv li għandha din id-droga. 

Instagram wieġeb billi jisħaq li l-bejgħ ta’ dawn il-mediċinali illegali jmorru kontra r-regolamenti tagħhom.

Din is-sustanza qed tiġi promossa regolarment mill-influencers biex it-tfajliet iżidu l-piż tagħhom b’mod mgħaġġel u jkollhom dak li hu magħruf bħala ‘hourglass figure’ bħal dawk ta’ ċelebritajiet fosthom Kim Kardashian u Kardi B. 

Il-bejgħ ta’ dan il-prodott għadu qed jiġi investigat.