COVID-19
Insult għall-ħaddiema fil-ġlieda kontra l-Covid-19 – Tabib tal-emerġenza

It-tabib tal-emerġenza, Michael Spiteri esprima d-diżżapunt tiegħu fuq il-media soċjali għall-fatt li lbieraħ filgħaxija partitarji tal-Floriana inġabru f’attività tal-massa fuq il-Fosos, sabiex jiċċelebraw id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol li vvutaw favur li Floriana FC jiġu ddikjarati ċ-Champions il-ġodda tal-futbol Malti.

Fuq Facebook, it-tabib Spiteri qal li l-ħaddiema tas-saħħa se jibqgħu jagħmlu l-aħjar tagħhom fil-ġlieda kontra l-pandemija. Qal li ppjanaw u taw riżultati u sa issa kien jidher li l-isforzi ssarfu biex l-imxija titrażżan.

Qal li xi wħud jargumentaw dwar jekk it-tieni mewġa tal-Covid-19 tkunx iżgħar jew ikbar mill-ewwel u għalkemm wieħed ikollu opinjonijiet differenti, il-professjonisti kollha jaqblu fuq il-fatt li attivitajiet tal-massa mingħajr iż-żamma tad-distanza soċjali kienu, għadhom u jibqgħu riskju kbir li kull min għandu ftit sens ma jissugrax li jieħdu.

Qal li għalkemm il-ħaddiema tas-saħħa apprezzaw iċ-ċapċip tal-pubblika għax-xogħol li qed jagħmlu, iċ-ċapċip waħdu ma jfisser xejn. Qal li r-responsabilità soċjali hija l-qofol ta’ kollox.

Temm jgħid li dak li rajna lbieraħ filgħaxija kien insult għal dawk kollha li jaħdmu fil-ġlieda kontra l-Covid-19, għal dawk li mardu bil-virus u għal dawk li mietu bih.

Aħbarijiet Oħra
Turiżmu

Fl-ewwel ġimgħa mill-ftuħ mill-ġdid tal-ajruport għal titjiriet kummerċjali, waslu Malta 20,000 passiġġier. Il-Ministru għat-Turiżmu, Julia Farrugia Portelli, qalet li għalkemm is-sitwazzjoni internazzjonali għadha imprevedibbli ħafna, dawn iċ-ċifri huma inkoraġġanti u…

Qorti

Darryl Luke Borg ta’ 34 sena ġie kkundannat għal disa’ xhur ħabs wara li nstab ħati li nġurja lil ommu, kiser ordni ta’ protezzjoni mposta mill-Qorti sabiex ma jersaqx qrib…

COVID-19

Fl-aħħar 24 siegħa ħareġ każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta, wara li saru 809 swab test. Dan huwa każ lokali li feġġ fil-komunità, bil-persuna infettata li ma kellhiex sintomi. Il-Ministeru għas-Saħħa…

Qorti

Annise Bejaoui ta’ 31 sena ntbagħat tliet snin u sitt xhur ħabs filwaqt li tilef garanzija personali ta’ €10,000 wara li nstab ħati ta’ tentattiv ta’ serq kif ukoll bi ħsara volontarja…

Aktar