Immigrazzjoni
Interċettata dgħajsa oħra – tirrifjuta l-għajnuna tal-AFM

Inqas minn jumejn wara li ġiet żblukkata kriżi umanitarji għal 141 immigranti fuq il-vapur Aquarius, jidher li fl-aħħar sigħat kompliet tiżviluppa kwistjoni oħra għal madwar 170 immigrant li jinsabu fuq il-vapur tal-gwardja tal-kosta Taljana ‘Diciotti’ li jinsab viċin Lampedusa jistenna struzzjonijiet mill-awtoritajiet Taljani.

Jidher li għal darb’oħra, l-awtoritajiet Taljani riedu li Malta tassumi r-responsabbiltà minħabba li kienu qed ibaħħru fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ Malta. Il-Gvern Malti insista li qatt ma intalbet l-għajnuna minnhom u insistew li jridu jkomplu fi triqthom ‘il fuq.

Waqt li żewġ vapuri tal-għaqdiet volontarji għadhom miżmuma Malta, jidher li n-nuqqas tagħhom max-xifer taż-żona ta’ tiftix u salvataġġ tal-Libja qed twassal biex id-dgħajjes tal-immigranti qed ikomplu fi triqthom għal riħhom. L-aħħar każ rappurtat beda l-Ħamis meta skont stqarrija tal-Gvern id-dgħajsa bl-immigranti rrifjutat l-assistenza tal-Forzi Armati Maltin fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ li taqa’ taħt ir-responsabiltà ta’ Malta u bid-dritt tan-navigazzjoni d-dgħajsa riedet tkompli fi triqtha lejn l-Italja.

Skont il-Gvern Malti, iċ-ċentru ta’ Ruma għal kordinament tal-missjonijiet ta’ salvataġġ ma wera l-ebda interess fid-dgħajsa li eventwalment ġiet interċettata mil-lanċa tal-Gwardja tal-Kosta Taljana fl-ibħra li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ Malta bil-għan li din ma tidħolx fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ tal-Italja. Il-Gvern Malti qal li dan l-intervent mill-Gwardja tal-Kosta Taljana ma huwiex u ma jistax jitqies li kien salvataġġ.

Il-Gvern Malta qal li madankollu jekk il-gvern Taljan iqis li din kienet missjoni ta’ salvatagg, l-immigranti fuq il-lanca Diciotti jinsab iktar vicin Lampedusa milli Malta u allura għandhom jiżbarkaw hemmhekk. U waqt li tidher li qed tiżvolgi sitwazzjoni oħra umanitarja li possibbilment tenħtieġ intervent diplomatiku fil-livell Ewropew, il-Gvern Malti qal li għadu għaddej il-proċess għar-rilokazzjoni tal-immigranti tal-vapuri Lifeline u Aquarius li tħallew jiżbarkaw f’Malta bi qbil li jitqassmu f’seba’ pajjiżi Ewropej li qablu li jipparteċipaw f’dan l-arranġament fuq bażi volontarja.

Sakemm jitlesta dal-process ta’ rilokazjoni, l-aġenzija għall-ħarsien tar-refuġjati qed tieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-immigranti. Fi żvilupp ieħor, l-organizazzjoni volontarja Ġermaniża li topera l-vapur Sea Watch 3, filwaqt li laqgħet il-fatt li l-vapur Aquarius tħalla jitlaq minn Malta wara li niżżel l-immigranti, uriet id-diżappunt li l-vapur tagħha issa ilu miżmum Malta aktar minn ħamsin ġurnata flok qed ibaħħar biex isalva l-immigranti. Allegat li l-Gvern Malti qed ifettaq fuq tentufiet żgħar biex ikompli b’dan l-imblokk tal-vapuri tal-NGOs li skont l-għaqda huwa ta’ detriment għal ħajjiet tal-immigranti.