Interess qawwi minn operaturi tat-trasport

Għoxrin ġurnata bogħod mill-għeluq tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess fl-operat tat-trasport pubbliku, il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi kkonferma ma’ tvm.com.mt li hemm interess qawwi f’din is-sejħa minkejja dawk li sejjaħ bħala gambetti li hemm min qed jipprova jagħti. Għall-Ministru Mizzi, il-kapitlu ARRIVA issa hu magħluq definittivament.

Fl-aħħar xahrejn u nofs, is-servizz tat-trasport pubbliku tħaddem mill-kumpanija tal-Gvern Malta Public Transport wara l-ftehim milħuq fit-2 ta’ Jannar li temm qasir żmien l-preżenza tal-Arriva f’Malta. Dakinhar l-Arriva qalet li se tħalli Malta uffiċċjali tagħha biex jagħtu pariri dwar l-immaniġġjar tal-kumpanija, bi tliet persuni impjegati tal-grupp internazzjonali kellhom jibgħu Malta sal-aħħar ta’ Marzu. Madankollu, tvm.com.mt hu infurmat li bi qbil bejn iż-żewġ naħat dawn l-uffiċċjali ħallew Malta fl-aħħar ta’ Jannar.

Ċifri li għandu f’idejh tvm.com.mt juru li t-trasport pubbliku f’idejn il-Gvern rreġistra titjib f’livelli differenti meta mqabbel maż-żmien meta kien f’idejn l-Arriva. F’Jannar biss il-Malta Public Transport żiedet il-biljetti mibjugħa u l-ġarr tal-passiġġieri b’medja ta’ 5.4% fuq Jannar tas-sena l-oħra.

Fl-istess xahar l-ilmenti naqsu bin-nofs, bl-akbar għadd ta’ ilmenti li daħlu kienu dwar il-puntwalità tal-vjaġġi. Fl-2013, l-ammont ta’ ħaddiema li ma rrappurtawx għax-xogħol għal raġuni jew oħra kien fil-livell medju ta’ 42%, persentaġġ li niżel għal 16% fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena. Anke jekk b’telf u l-kumpanija kuljum tħallas għal xogħol kuntrattat lill-privat, fl-ewwel xahrejn l-ispejjeż naqsu.

Quddiem dawn iċ-ċifri, il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi laqa’ t-titjib reġistrat speċjalment fl-effiċjenza iżda għamilha ċara li dan hu biss żmien ta’ transizzjoni sakemm t-trasport pubbliku jitħaddem mill-privat. Is-Sur Mizzi qal li sejħa għall-interess f’dan ir-rigward li tagħlaq fis-7 ta’ April iġġenerat dak li ddeskriva bħala rispons tajjeb ħafna kemm lokali u anke barrani.

Il-Ministru Mizzi indika li l-operatur il-ġdid se jkun marbut li jimpjega l-ħaddiema u juża l-vetturi li bħalissa jagħmlu parti mill-kumpanija tal-Gvern u mbagħad iżid skont l-esiġenzi.

Mitlub jirreaġixxi għal dak li qalu żewġ operaturi tat-trasport fl-Ewropa li mhux se jitfgħu l-offerta tagħhom u ddubitaw kemm jaqblilhom finanzjarjament, il-Ministru saħaq li mexa mal-kriterji stabbiliti fis-sejħa.

Il-Ministru Mizzi qal li appena tingħalaq is-sejħa, tibda ħidma biex jintgħażel l-operatur il-ġdid u wera t-tama li dan ma jiħux ħafna żmien.