Stejjer Umani
Intervista ma’ tfajla bil-Coronavirus – Qed tuża l-ħin biex tferraħ lin-nies bil-mużika

“Il-vjolin ma ħallejtux fil-ġenb. Għandi bżonnu aktar minn qatt qabel. Dan iż-żmien hu importanti ħafna għas-saħħa mentali. Naf li ħafna nies qegħdin ġewwa frustrati. Jien xogħli dejjem hu li nferraħ lin-nies. Allura qed nipprova nagħmel l-istess online issa, għax is-shows kollha li kelli ġew kanċellati. Qed nirrekordja. Qed intella’ mużika fuq Spotify u iTunes. Għadni ngħallem permezz ta’ skype u issa bdejt nagħmel ħaġa li qed insib li n-nies tferraħhom. Jibgħatuli – tista’ ddoqqli din id-diska għall-maħbub tiegħi jew għall-għeżież tiegħi? – u nibgħatilhom video dedikat għalihom. Nittama nagħmel is-sehem tiegħi f’dan l-istat ta’ paniku.”

Din kienet it-tweġiba ta’ Nadine Galea, mużiċista professjonali li f’età żagħżugħa diġà bniet profil tajjeb ħafna, meta mistoqsija jekk bħala persuna bil-coronavirus abbandunatx il-vjolin u kif qed tqatta’ l-ħin id-dar.

“Anke jekk m’għandekx sintomi. Ibqa’ ġewwa. Ippretendi li għandek.”

L-appell ta’ Nadine Galea hu biex toqgħod ‘il bogħod minn persuni vulnerabbli għax jista’ jkun li inti tkun sempliċiment qed iġġorr il-virus, mingħajr ma tkun taf li għandek il-virus. Hi waħda minn dawn il-persuni u tgħid li meta sħabha, li huma tobba, qalulha tippretendi li għandha l-virus weġbithom li mhi tħoss xejn. Illum tgħid li imn’Alla semgħet minnhom u marret tagħmel swab test.

Nadine waslet Malta minn Londra fit-23 ta’ Marzu. Ilha li ġiet konfermata pożittiva għall-COVID-19 tmint’ijiem, min-nhar il-Ħamis, 2 ta’ April. Dawn huma siltiet mill-intervista li xxandret il-bieraħ fil-programm DISSETT fuq Television Malta.

“Mill-airport mort dirett fi kwarantina. Krejt post biex ma nirriskjax lill-familja tiegħi għal li jista’ jkun għandi xi ħaġa. Għandi ħbieb tal-qalb tobba li mlewli rasi li jista’ jkolli l-Coronavirus mingħajr sintomi. Għall-ewwel ħsibt li qegħdin jgħaġġubha ngħid il-verità, imma issa naf li kellhom raġun.

L-ewwel ġurnata f’dan il-post qomt għasra bil-lejl, nimmaġina li kien id-deni. Dak il-ħin għidt, ġejt f’post ġdid u għandi jet lag u ħsibt li m’għandi xejn. Sħabi tobba qaluli jista’ jkun kellek id-deni mela. Imbagħad bdiet sogħla ħafifa. Bqajt fi kwarantina, ma ħriġtx ‘il barra. Fil-fatt anke l-ġenituri jġibuli l-ikel wara l-bieb, nistennihom jidħlu fil-karozza, u mbagħad noħroġ għalih.

In-night sweats ġratli darbtejn biss, l-ewwel żewġt’iljieli f’Malta kienu. Kull ma kien baqagħli kien naqra sogħla ħafifa. Sħabi infurmawni li anke jekk sogħla biss, is-swab tests kienu qed jagħmluhom. Jien għall-ewwel għidt, ma jsirux testijiet għax tkun qed tisgħol biss. Mort, anke għalija biex inserraħ rasi li la tgħaddi l-kwarantina u mmur għand il-ġenituri ma jkolli xejn. Mort għat-test u ċempluli dakinhar stess li ġie pożittiv.

Ma kellix bżonn sptar s’issa. Is-sintomi ma ggravawx. Baqgħet ftit sogħla u l-għejja. In-nifs ma kellix problemi s’issa. Għalhekk hi vera inkwetanti din il-biċċa xogħol, għax taħseb li m’għandek xejn jekk ma taffettwakx. Jien li kieku mhux għax kelli sħabi tobba ma kontx noqgħod daqshekk attenta li ma jkollix kuntatt man-nies.

Tabiba tas-servizz tas-saħħa f’Malta ċċempilli kuljum biex tara s-sintomi kif qed jinbidlu. Qed jieħdu ħsiebi ħafna.”

Min hi Nadine Galea?

Hi minn Birkirkara. Ta’ 16-il sena bdiet l-istudji fil-mużika l-Italja u sentejn wara marret Londra. Studjat għal sitt snin fir-Royal College of Music fejn kisbet baċellerat u masters u llum hi vjolinista professjonali. Ibbażata Londra u taħdem internazzjonalment. Ftit eżempji: daqqet fid-dar ta’ Madonna, għal Will.i.am, Louisa Johnson fuq The X Factor, għall-Prinċep William u Kate Middleton, akkumpanjat lit-tenur Joseph Calleja u bħala solista mal-orkestra tan-Nazzjonijiet Magħquda. Sentejn ilu kienet waħda minn seba’ mużiċisti professjonali li daqqew f’Buckingham Palace, quddiem ir-Reġina Eliżabbetta II u l-kapijiet tal-gvern tal-pajjiżi tal-Commonwealth fiċ-ċerimonja tal-ftuħ tac-CHOGM.

 

Aħbarijiet Oħra
Immigrazzjoni

Wara kważi erbgħin jum fuq il-baħar, il-Gvern Malti ddeċieda li jdaħħal f’Malta lill-immigranti li kienu qed jinżammu barra t-territorju Malti. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li s-sitwazzjoni fuq dawn il-vapuri saret…

Enerġija

L-istudju għall-impatt ambjentali għall-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija ġie sottomess lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, ERA, waqt li l-awtoritajiet kompetenti fl-Italja qed jiffinalizzaw l-istudji biex jiġi ppreżentat ukoll ir-rapport tal-impatt…

Stejjer Umani

Imweġġa’ bil-qtil brutali tal-Afro Amerikan George Floyd fl-Istati Uniti u bil-qtil razzista wkoll tal-immigrant Lassana Cisse s-sena li għaddiet, Martina Borg marret fuq il-midja soċjali b’messaġġ emozzjonali kontra r-razziżmu. It-tfajla…

Aktar