Lokali
‘Intlaħaq qbil bejn il-pajjiżi tal-UE u l-Mediterran biex tiġi indirizzata b’mod serju l-isfida tal-bidla fil-klima’ – PM

Fi tmiem il-laqgħa għall-mexxejja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u l-Mediterran, il-Prim Ministru Robert Abela qal li ntlaħaq qbil bejn il-mexxejja preżenti li għandhom jindirizzaw minnufih l-isfida tal-bidla fil-klima hekk kif il-Mediterran se jkun fost l-iktar reġjuni li se jintlaqtu ħażin fis-snin li ġejjin. It-tibdil fil-klima, l-ambjent, l-irkupru mill-pandemija, l-immigrazzjoni, u s-sigurtà fil-Mediterran kienu t-temi ewlenin li l-Prim Ministru mexxa ‘l quddiem waqt il-laqgħa tal-EU-MED 9 li ntemmet tard ilbieraħ filgħaxija f’Ateni.

F’konferenza tal-aħbarijiet fi tmiem il-laqgħa tal-EU-MED9, flimkien mat-tmien mexxejja oħra, il-Prim Ministru Robert Abela qal li kien sodisfatt bil-qbil milħuq bejn il-mexxejja Ewropej u tal-Mediterran li t-tibdil fil-klima hija sfida li hemm bżonn tiġi indirizzata b’mod serju, u li lkoll poġġewha fuq l-aġenda tagħhom.

“The EU has been a prime mover in setting the example globally and we need to continue showing leadership in the battle against climate change, especially if we are to ensure a successful outcome at COP 26 in Glasgow. As regards mitigation, a lot of work has been set in motion at an EU level with the Fit for 55 Package setting us on the right course. Taking the necessary action is a must.”

Dr Abela wera wkoll solidarjetà mal-pajjiżi affetwati b’nirien kbar fis-sajf kawża ta’ sħana qawwija. Qal li d-diskussjonijiet matul is-summit dwar il-biodiversità, il-foresti, l-ambjent marittmu, u l-ekonomija l-blu juru l-ambizzjoni li jaqsmu bejniethom dawn il-pajjiżi għas-settur ambjentali.

Il-Prim Ministru esprima solidarjetà ma’ Ċipru għal kriżi politika li għaddejja mat-Turkija, u qal li hemm bżonn ta’ djalogu biex tissolva din il-kwistjoni. Qal iżda li t-Turkija huwa pajjiż importanti għal dan ir-reġjun, anke minħabba l-koperazzjoni mal-Unjoni Ewropea fejn tidħol l-immigrazzjoni.

L-immigrazzjoni wkoll kienet fuq l-aġenda tal-Prim Ministru, fejn qal li ċ-ċentru tal-Mediterran jara l-ikbar ammont ta’ persuni jaqsmu mill-Afrika b’mod illegali.

“Over the last year, I visited Libya and had various discussions – as recent as last week when the Libyan Prime Minister visited Malta. This open channel of communication between Malta and Libya brought to the fore the excellent diplomatic relations we have established with this country over the past months, which is yielding great results. I can assure you that Libya is cooperating, and therefore ensuring forthcoming assistance to our closest neighbor should always remain a priority for the EU.”

Dwar l-Afghanistan qal illi bħalissa teżisti sfida kbira, kemm minħabba s-sigurtà u l-kriżi umanitarja, b’Dr Abela jgħid li l-Unjoni Ewropea ma tistax ma tieħux pożizzjoni dwar din il-materja sensittiva.

Il-Prim Ministru qal li jeżisti qbil bejn il-pajjiżi sabiex tiġi salvagwardjata l-kompetittività ta’ għadd ta’ setturi bħall-avjazzjoni u t-trasport bil-baħar, li fi kliemu huma ta’ importanza dinjija, speċjalment għar-reġjun tal-Mediterran u aċċenna dwar il-bżonn ta’ konnettività, speċjalment għal stati gżejjer żgħar bħal Malta u Ċipru.

Dwar il-pandemija, Dr Abela qal li din ġabet bidliet kbar fuq ir-reġjun, u sostna li issa l-prijorità għandha tkun l-irkupru b’mod sostenibbli. Faħħar il-mod kif ġiet trattata l-pandemija fuq livell Ewropew, u semma l-pjan ta’ rkupru u reżiljenza ta’ Malta, u qal li pajjiżna ddedika persentaġġ għoli sabiex jiġu finanzjati proġetti ambjentali u diġitali.

Il-Prim Ministru laqa’ fil-grupp liż-żewġ pajjiżi ġodda li ngħaqdu mal-EU-MED7, is-Slovenja u l-Kroazja, u qal jemmen li t-tnejn se jikkontribwixxu għal iktar koperazzjoni fil-Mediterran. Qal li fir-reġjun tal-Mediterran il-paċi, is-sigurtà, u l-istabbilità huma kruċjali, u allura irid jibqa’ jsir iktar xogħol f’dan ir-rigward.