Ambjent
Intopp ieħor għall-applikazzjoni tal-pompa tal-petrol fil-Magħtab

Id-diskussjoni u d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-pompa tal-petrol fil-Magħtab, limiti tan-Naxxar, mhux se ssir għada minħabba li llum ġiet ippreżentata kawża fil-Qorti f’dan ir-rigward.

Fi stqarrija maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar intqal li l-Bord tal-Ippjanar iddeċieda li jipposponi s-smigħ li kien skedat li jsir għada fid-dawl tal-proċeduri fil-Qorti.

Il-każ ilu għaddej mill-2016 meta l-applikazzjoni ġiet rifjutata, filwaqt li sena wara t-Tribunal tal-Appelli ordna li terġa’ tiġi kkunsidrata abbażi tal-Politika dwar il-Pompi tal-Petrol.

F’Jannar tas-sena l-oħra l-Bord tal-Awtorità approva l-applikazzjoni ġdida, iżda fil-bidu ta’ dan ix-xahar it-Tribunal tal-Appelli annulla l-proċess u reġa’ bagħatha lura għall-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Awtorità.