Kostruzzjoni
Investigat raġel li kien qed jippoża ta’ uffiċjal tekniku f’siti ta’ kostruzzjoni

Raġel li allegatament kien qed jippoża ta’ Site Technical Officer f’siti ta’ kostruzzjoni qed jiġi investigat mill-Pulizija, fosthom dwar allegat frodi. Il-każ ġie riferut lill-Pulizija mill-Aġenzija għall-Kostruzzjoni u l-Bini wara li ġibdet l-attenzjoni l-Kamra tal-Periti.

Television Malta huwa infurmat li sa ġimagħtejn ilu, ir-raġel baqa’ jippersisti fl-illegalitajiet, fosthom billi ffalsifika l-firem ta’ mill-inqas tliet periti.

Inqas minn ġimagħtejn ilu, id-Dipartiment tar-Reati Finanzjarji fil-Korp tal-Pulizija beda jinvestiga l-aġir ta’ raġel li allegatament beda jagħmilha ta’ Site Technical Officer f’siti ta’ kostruzzjoni f’Gwardamanġa, il-Gudja u San Pawl il-Baħar. Bil-liġi, Site Technical Officer irid ikun perit jew ikun iggradwat fl-inġinerija.

Ir-raġel qed ikun investigat dwar allegat falsifikar ta’ firem ta’ mill-inqas tliet periti fuq id-dikjarazzjoni tar-responsabbiltà tas-sit tal-kostruzzjoni. Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Kostruzzjoni, Ivor Robinich, qal li r-raġel ilu jipprova jinganna tant li l-Aġenzija kienet diġà ħadet passi kriminali kontrih.

“Tajnieh twissija. Darba, tnejn, tlieta. Imbagħad ma semax dan u ressaqnieh il-Qorti u ħarġu iktar każi u ndunaw il-Kamra tal-Periti wkoll u kif rċevejna l-ittra mill-Kamra tal-Periti, jien bażikament bgħattha lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestigaha.”

Mill-bidu tas-sena, l-ispetturi tal-Aġenzija wettqu iktar minn 1,300 spezzjoni f’siti ta’ kostruzzjoni, inkluż f’Għawdex. Fl-istess perjodu ngħalqu 8 siti ta’ kostruzzjoni u nħarġu 9 multi amministrattivi għal diversi nuqqasijiet fosthom xogħol ta’ kostruzzjoni li jsir fil-Ħdud u l-festi pubbliċi. Il-multi jlaħħqu sa €10,000.

“Tqattigħ ta’ ġebel li ma jkollhomx vacuum, jiġifieri trabijiet. Storbju. Pereżempju ma tistax tibda qabel is-7am tagħmel ċertu interventi fuq il-binja jew ċertu tip ta’ kostruzzjoni.”

Is-Sur Robinich qal li sal-aħħar tas-sena, l-ispetturi tal-infurzar fi ħdan l-aġenzija se jirduppjaw għal 12.

Aħbarijiet Oħra
Negozju

Il-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi li r-rata tal-VAT għandha titnaqqas għal 7% għall-operaturi fl-oqsma tat-turiżmu u l-ospitalità. Waqt li ppreżentat il-proposti tagħha biex l-ekonomija tirkupra mill-effetti tal-pandemija, il-Kamra rrakkomandat li għandha…

Ambjent

Il-WasteServ qalet li l-ġbir tal-ħġieġ għar-riċiklaġġ huwa amministrat minn żewġ skemi privati, li huma responsabbli li jiġbru ħġieġ segregat. Il-kumpanija qalet li avżat lil dawn l-iskemi li mhux se taċċetta…

Politika

Il-Prim Ministru Robert Abela sejjaħ laqgħa mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali skedata għal nhar il-Ħamis li ġej, biex tkun diskussa l-pożizzjoni ta’ Malta fl-isfond tal-pandemija Covid-19. Fi stqarrija maħruġa…

COVID-19

L-awtoritajiet tas-saħħa kkonfermaw 16-il każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta wara li fl-aħħar 24 siegħa saru 1,502 swab test. B’hekk il-każi attivi ta’ Coronavirus f’Malta telgħu għal 215, hekk kif ħadd…

Aktar