Annimali
Investigazzjoni dwar qabda ta’ kelb il-baħar issib li l-każ seħħ snin ilu

Id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura temm investigazzjoni dwar ritratt li beda jdur fuq Facebook li fih jidher kelb il-baħar maqbud fuq dgħajsa.

L-investigazzjoni bdiet wara li fi tmiem il-ġimgħa li għadda ntlemaħ kelb il-baħar fl-inħawi ta’ Filfla. B’reazzjoni persuna tellgħet fuq il-midja soċjali ritratt ta’ Blue Shark li bil-Malti jissejjaħ Ħuta Kaħla.

Dan wassal biex ingħatat l-impressjoni żbaljata li kien inqabad l-istess kelb il-baħar li deher ħdejn il-gżira ta’ Filfla.

tvm.com.mt kien ikkuntattjat ukoll minn veterinarju li lmenta li r-rappurtaġġ dwar dehriet ta’ klieb il-baħar seta’ jwassal biex ikun hemm min jipprova jaqbadhom.

Kelliema għall-ministeru responsabbli mis-sajd qalet li t-tip ta’ klieb il-baħar li jintlemħu fl-ibħra lokali huma ħafna fosthom il-Ħuta l-Kaħla. Qalet li din it-tip ta’ ħuta tista’ tinqabad mis-sajjieda lokali u ġeneralment dan isir fil-konzijiet.

Dwar ir-ritratt ippubblikat, il-kelliema qalet li mill-investigazzjoni li wettaq id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura rriżulta li l-kelb il-baħar li jidher fir-ritratt inqabad snin ilu minn sajjied Malti.

Hija kkonfermat li m’hemm ebda rabta bejn ir-ritratt fuq Facebook u l-filmat tal-kelb il-baħar li ntlemaħ ħdejn Filfla.