Attività
Investiment biex tkun aċċessibbli għall-pubbliku l-kollezzjoni ta’ riżerva fil-MUŻA

L-ispazju hu biċċa uġigħ ta’ ras ukoll fil-mużewijiet. Fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti, MUŻA, fil-Belt hemm kollezzjoni ta’ riżerva fejn jinżammu bosta oġġetti preġjati li iżda mhemmx spazju fejn jiġu esebiti – fosthom kollezzjoni ta’ vażuni tal-majolika li jmorru lura għal żmien il-Kavallieri.

Mużewijiet mmexxija minn Heritage Malta fil-Belt, it-Tnejn kienu miftuħa bla ħlas, f’inizjattiva oħra fil-ġimgħa tas-Servizz Pubbliku. Fost l-aktar postijiet li attiraw viżitaturi: il-mużew tal-arti – Muża – fejn hemm taqsima fejn tinżamm il-kollezzjoni ta’ riserva li għandha l-aġenzija.

L-uffiċjal ta’ Heritage Malta, Kenneth Gambin, spjega li dawn ix-xogħlijiet artistiċi jvarjaw minn busti, għall-pitturi u vażuni ppreġjati ta’ żmien il-Kavallieri. Dawn jinżammu hawnhekk l-iktar minħabba raġunijiet ta’ nuqqas ta’ spazju. Madankollu sar investiment qawwi biex din il-kollezzjoni tkun tista’ tiġi apprezzata min dawk li jixtiequ jżuruha għall-interess jew għal skop ta’ riċerka.

“Fil-Muża sar investiment qawwi biex din il-kollezzjoni ta’ riżerva tkun tista’ wkoll tkun viżitabbli minn dawk interessati għalhekk inxtara ħafna apparat biex din il-kollezzjoni tkun displayed mhux b’mod ta mużew imma mod ta’ maħżen imma tkun xorta aċċessibbli għal kulħadd,” qal l-uffiċjal ta’ Heritage Malta, Kenneth Gambin.

Fost l-aktar preġjata hemm kollezzjoni ta’ vażuni li jmorru lura għal żmien l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Il-vażuni kienu jżejjnu l-bereġ u l-isptarijiet tagħhom, iżda kellhom wkoll għan prattiku għax kienu jintużaw biex jaħżnu mediċinali u affarijiet oħra. Is-Sur Gambin qal li hemm għarfien internazzjonali għal dawn il-vażuni tant li ġew mislufa għal wirjiet barra.

“Il-vażuni tal-majolika li huma ta’ żmien il-kavallieri ivarjaw minn żmien is-seklu sittax sa tmintax, ll-ammont ta’ majolika li hemm tagħmilha unika fid-dinja mhux biss l-ammont imma anki fil-varjetà, fi ftit xhur oħra se nesebixxu għaxra minnhom l-Italja, ġew hawnhekk apposta esperti tal-majolika biex juru x uhud minn dawk li għandna aħna għax huma uniċi,” kompla Kenneth Gambin.

Binja oħra fil-Belt amministrata minn Heritage Malta hi l-Berġa ta’ Provenza li tilqa’ l-Mużew tal-Arkeoloġija. Mijiet ikkonkorrew biex jaraw ittra, li l-aġenzija għadha kemm xtrat minn irkant, li biha l-Ġeneral Napuljun ordna biex jibdew it-tħejjijiet għall-invażjoni ta’ Malta. F’dan il-mużew għaddej ħafna xogħol ta’ restawr li jinkludi l-bdil tas-saqaf tal-Gran Salon u l-faċċati kollha tal-bitħa interna.