Edukazzjoni
Investiment fl-arja kkundizzjonata fl-iskejjel biex l-istudenti jkollhom edukazzjoni f’ambjent iktar komdu

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana spjegat li b’investiment kapitali fl-edukazzjoni ta’ €93 miljun u nefqa rikorrenti ta’ €704 miljun il-Gvern qed jonfoq f’dan il-qasam iktar mid-doppju ta’ dak li ntefaq fl-2012.

Hija u tindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar il-fond allokat għall-edukazzjoni fil-budget il-Ministru Caruana qalet li l-Gvern qed ikompli jinvesti kemm fl-istudent kif ukoll fl-edukatur.

Il-Ministru Caruana spjegat li l-istudenti huma l-futur tal-pajjiż u għalhekk hemm bżonn ukoll investiment fl-edukaturi waqt li spjegat kif l-isfidi tal-pandemija inbidlu f’opportunitajiet fejn xorta waħda l-iskejjel fetħu u l-istudenti komplew mexjin ‘il quddiem.

Hija qalet li minbarra investiment qawwi fl-infrastuttura edukattiva qed isir investiment fi programmi edukattivi u fost l-investiment li qed isir hemm skejjel ġodda bħalma huma tan-Nadur, ir-Rabat, l-Għarb u l-kampus ta’ Għawdex.

Il-Ministru Caruana qalet ukoll li qed isir investiment fl-arja kundizzjonata fl-iskejjel biex l-istudenti jkollhom edukazzjoni f’ambjent iktar komdu u ta’ kwalità.