Lokali
Investiment qawwi f’Malta minn kumpaniji Kanadiżi tal-kannabis medika – se joħolqu 900 impjieg

Sa tliet snin oħra, il-kumpaniji liċenzjati f’Malta biex jipproduċu l-mediċina tal-kannabis mistennija jesportaw mal-€1,000 miljun. Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat fi tmiem żjara tiegħu fl-Istati Uniti u fil-Kanada.

Fi kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat meta l-pajjiż ikun innovattiv fl-ideat u l-proġetti tiegħu, jiġbed l-interess u jħajjar l-investiment. Ma tvm.com.mt Dr Muscat qal li fil-laqgħat mal-investituri kemm fl-Istati Uniti kif ukoll fil-Kanada innota dan.

“L-aktar interess li sibna fi New York kien fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u fid-DLT fil-qasam tal-blockchain. Tara allura li fil-verità l-akbar interess ikun meta aħna nkunu innovattivi. Hawnhekk fil-Kanada fuq il-kannabis medika u fl-Istati Uniti mal-innovazzjoni u l-blockchain,” qal il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru wera ruħu fiduċjuż li Malta ser tattira iżjed investiment minn kumpaniji Kanadiżi, minbarra 20 kumpanija li diġà għandhom letter of intent mill-Malta Enterprise biex jaħdmu f’Malta.

“L-esportazzjoni ser tibda fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla. Qed nistmaw li l-esportazzjoni sa Year 3 ta’ dawn l-20 kumpanija tlaħħaq aktar minn biljun ewro u l-impjieg mad-900 persuna imma xorta nemmen li nistgħu inġibu aktar players f’dan ir-rigward,” qal Dr Muscat.

Dwar is-sehem tiegħu fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, Dr Muscat qal li din hija okkażjoni annwali li tagħti l-opportunità lill-pajjiż li f’post wieħed jiltaqa’ ma bosta oħrajn biex jintensifika r-releazzjonijiet diplomatiċi.

“Naħseb li huwa mod cost effective ħafna li timmassimizza l-ħin li tiltaqa ma’ ħafna mexxejja fl-istess ħin f’post wieħed. U allura nkunu nistgħu nagħmlu numru ta’ ftehimiet li permezz tagħhom inkomplu inkabbru network diplomatiku,” qal il-Prim Ministru.

Qabel telaq lura lejn Malta, il-Prim Ministru qal lil tvm.com.mt li din se tkun ġimgħa important għax il-Gvern ser ikun qed jiffinalizza l-miżuri tal-budget li ser jitħabbru fl-14 ta’ Ottubru.