Saħħa
Investiment ta’ €1.2miljun fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira

Iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira għaddej minn rinnovazzjoni bil-għan li joffri servizz aħjar għall-eluf ta’ nies li jirrikorru fih għall-kura primarja. Minbarra li żar ix-xogħlijiet li qed isiru, b’investiment ta’ €1.2 miljun, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne appella wkoll biex in-nies ma jinġabrux f’numri kbar, anke f’attivitajiet li jorganizzaw fi djarhom stess.

Iċ-Ċentru tas-saħħa tal-Gżira, li minnu jiddependu mat-72,000 ruħ li jgħixu fil-lokalitajiet tal-madwar, qiegħed jiġi rinovat u attrezzat b’faċiltiajiet ġodda b’invetiment ta’ miljun u mittejn elf ewro.

Waqt li żar ix-xogħlijiet id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li l-Gvern ser ikompli jinvesti fiċ-ċentri tas-saħħa biex aktar persuni jkunu jistgħu jirċievu l-kura primarja mil-lokalità tagħhom stess.

Fid-dawl tal-appelli li saru mill-Assoċjazzjoni tat-Tobba, il-MAM, u l-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, biex il-Gvern jimponi miżuri aktar b’saħħithom biex jikkontrollaw l-imxija tal-COVID, id-Deputat Prim Ministru Fearne qal li l-Pulizija ser ikun qegħdin iżidu l-infuzar.

“Matul dan il-weekend, kemm jien kif ukoll il-Ministru Byron Camilleri ħriġna direttivi biex id-direzzjoni tkun infurzata kemm jista’ jkun b’mod assolut, ħalli kif qed tgħid inti nibqgħu inżommu l-gruppi ta’ persuni li jibqgħu jiġu flimkien minimu.”

Dr Fearne żied jgħid li biex titrażżan l-imxija, kulħadd irid iżomm id-distanza, ikun fejn ikun.

“L-appell tiegħi hu li mhux biss f’postiiet pubbliċi għandna nżommu n-numru baxxi, imma anke fi djar tagħna. Jiġifieri jekk mhux strettament il-familji tagħna, kemm jista’ jkun ma għandniex nagħmlu gatherings kbar fejn ikun hemm ħafna nies li jkun hemm flimkien, għax il-mikrobu jista’ jinfirex kullimkien.”

Fi żvilupp ieħor, l-unjin tal-infermiera u l-qwiebl, l-MUMN irtirat l-azzjonijiet industrijali għall-għoti tal-vaċċin kontra l-influwenza. Il-President tal-MUMN Paul Pace f’kummenti ma’Television Malta qal li wara laqgħa mad-Diviżjoni tas-Saħħa intlaħħaq ftehim dwar l-allowances tal-ikel u l-leave li jingħataw l-infermiera li jaħdmu fil-Bereġ u ċ-Ċentri tas-saħħa u għalhekk se jagħtu l-vaċċin kontra l-influwenza, li bħalissa qed jingħata b’xejn.

Id-Deputat Prim Ministru Fearne fi tweet laqa’ l-aħbar u qal li f’din il-kwistjoni rebaħ is-sens komun.